Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal aktar kmieni llum li l-miżuri biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19 qed jaħdmu, kif jixhed il-fatt li n-numri baqgħu kostanti f’Malta filwaqt li żdiedu barra.
Rigward is-sitwazzjoni b’mod ġenerali, il-ministru osserva li matul l-aħħar erba’ sa ħames ġimgħat, in-numru ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum f’Malta stabbilizza f’xi 120 sa 130 kuljum, b’kuntrast mas-sitwazzjoni barra minn Malta fejn in-numru ta’ każijiet ġodda qed ikompli jiżdied.
Hu qal li ma kien hemm l-ebda dubju li kulħadd ried li n-numri jonqsu u jisparixxu, iżda dan ma jistax iseħħ b’mod realistiku qabel ma jkun hemm programm ta’ tilqim.
Onor.Fearne qal li kien ferħan li jara li b’mod ġenerali, li regolamenti bħall-ilbies tal-maskri, ir-restrizzjoni ta’ laqgħat pubbliċi u r-rekwiżit ta’ distanza soċjali kienu qed jiġu osservati, flimkien mal-għeluq ta’ stabbilimenti fejn id-distanzi ma setgħux jiġu osservati.
Huwa qal li l-parir tiegħu huwa li n-nies ikomplu jkunu responsabbli sabiex in-numri jkunu jistgħu jinżammu kostanti ħalli s-sistema tas-saħħa tkun tista’ tkompli tagħti l-aħjar kura possibbli għal dawk li ħadu l-virus.