“Ikkunsidraw Li Tnaqqsu T-Tariffa Tal-Emerġenza Għall-Istrays” – Anna Vella Tagħmel Appell Mill-Qalb!

Anna Vella, feeder magħrufa lokalment li riċentement kienet fl-aħbarijiet wara li rebħet aktar minn €17,000 fil-lotterija tal-VAT, użat il-pjattaforma tagħha biex tqajjem punt importanti u sensittiv, il-ħidma kontinwa, volontarja u spiss inviżibbli tal-feeders tal-qtates f’Malta.

F’post li laqat lil ħafna, Anna spjegat kif ilha 11-il sena titma’ numru kbir ta’ qtates mitluqa, kollha mill-paga tagħha u minn dak li jifdal, u enfasizzat li dan jista’ jiġi kkonfermat minn min irid. Hi appellat lil dawk responsabbli mir-regolamenti tal-kliniċi veterinarji, speċjalment dawk miftuħa matul il-lejl, biex jikkunsidraw aktar flessibbiltà u ħniena lejn il-feeders, partikolarment f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Anna fakkret li l-feeders jagħmlu xogħol volontarju li jiswa ħafna flus, iżda wkoll jinvolvi uġigħ ta’ qalb, stress u tensjonijiet, kemm ma’ ġirien kif ukoll mal-familji tagħhom stess. Spiss, spjegat hi, dawn in-nies ma jsibux min jifhimhom, minkejja li l-kontribut tagħhom hu essenzjali.



Hi kienet ċara li mhuwiex tort tal-feeders li hemm qtates barra, u wisq inqas tort tal-qtates infushom. Minkejja li huma strays, jibqgħu ħlejjaq ħajjin b’dritt għall-kura u r-rispett. Mingħajr il-feeders, sostniet Anna, l-ammont ta’ qtates bil-ġuħ u morda fit-toroq ikun ferm akbar. Dan għaliex ħafna feeders, minħabba l-imħabba lejn l-annimali li jieħdu ħsieb, jħallsu wkoll biex issewwu lil dawn il-qtates sabiex jevitaw li jitwieldu aktar li jispiċċaw ibatu barra.



“Il-feeders qed jagħmlu xogħol siewi ħafna,” sostniet Anna, filwaqt li saħqet li bħala soċjetà li tqis lilha nnifisha avvanzata, għandna nkunu ta’ eżempju fir-rispett lejn kull forma ta’ ħajja.

L-appell finali tagħha kien wieħed sempliċi iżda qawwi, li jiġi kkunsidrat tnaqqis fit-tariffi ta’ emerġenza għall-qtates mitluqa, tal-inqas bħala sinjal ta’ rispett lejn il-feeders li, kuljum, jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jieħdu ħsieb dawk li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom.



Ritratti:

Facebook / Anna Vella

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI