Il-kantant, kompożitur u mużiċist Malti Mark Spiteri Lucas qed jiċċelebra mument speċjali fil-ħajja personali tiegħu hekk kif illum hu u martu Sharon waslu għad-19-il anniversarju taż-żwieġ tagħhom.
F’messaġġ mill-qalb li qasam fuq il-midja soċjali, Mark irrifletta fuq il-vjaġġ li għaddew minnu flimkien matul dawn is-snin kollha. “Illum wasalna għal Kapitlu Numru 19!!! … u l-istorja tkompli tinkiteb,” kiteb Mark fil-bidu tal-messaġġ tiegħu.
Huwa stqarr li dawn id-19-il sena kienu mimlijin b'”taħlita ta’ emozzjonijiet”, fosthom “tlajja’ u nżul, mumenti ta’ ferħ u sodisfazzjon u waqtiet ta’ qtigħ il-qalb, u elf ħaġa oħra”. Mark ammetta li matul is-snin forsi t-tnejn li huma nbidlu xi ftit, iżda enfasizza li hemm ħaġa waħda li baqgħet l-istess. “19-il sena ilu għidtlek ‘iva’ u llum nerġa’ ngħidlek l-istess,” kiteb lil Sharon.
Fil-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lil martu ta’ dak kollu li tagħmel kemm miegħu kif ukoll ma’ binthom Greta, filwaqt li sellem b’mod partikolari s-sapport kontinwu tagħha, speċjalment waqt żminijiet diffiċli. “Ħsieb żgħir biex ngħidlek ‘Grazzi’ ta’ kollox, ta’ dak kollu li tagħmel miegħi u ma’ Greta, partikolarment grazzi tas-sapport kontinwu tiegħek anke f’waqtiet iebsin, u ngħidlek li nħobbok,” kompla jgħid.
Mark temm il-messaġġ tiegħu b’riflessjoni poetika dwar il-futur tagħhom flimkien, fejn qal li l-istorja tagħhom għadha qed tinkiteb u li għad fadlilhom ħafna ħolm x’iwettqu. “Jekk Alla jrid l-istorja għad irridu nkomplu niktbuha…. l-awturi għadhom qed jaraw kif se jkomplu jiżviluppaw dan ir-rumanz li nbeda biex jissokta.”
Hu jżid, “Fadal iżjed x’noħolmu… xi nwettqu… x’nimxu… U anke jekk it-temp jiqliel u forsi f’xi waqtiet, il-vjaġġ jaf ikun iebes u jurina snienu, flimkien insibu l-qawwa biex insalpaw kemm fil-bnazzi u anke fil-maltemp.”
Nawguraw lil Mark u lil Sharon ħafna aktar snin ta’ mħabba, saħħa u ferħ flimkien.
Facebook / Mark Spiteri Lucas