Il-paġna Up & Up with Faith ftit tal-jiem ilu qasmet mument mill-isbaħ hekk kif Faith kellha l-opportunità tieħu sehem f’wirja tal-moda organizzata minn Gaffiero Productions, li laqqgħet flimkien persuni ta’ kull abbiltà.
Fil-messaġġ tagħhom, spjegaw kif Faith kienet eċitata ferm għal din l-esperjenza, ħadet gost immens u tat l-aħjar tagħha fuq ir-runway. Ommha, min-naħa tagħha, stqarret li ma setgħetx iżżomm l-emozzjonijiet tagħha u nfaqgħet tibki bil-ferħ u l-kburija. Il-familja rringrazzjat lil Ivan Gaffiero talli jemmen f’kulħadd bl-istess mod u talli ta lil Faith din l-opportunità speċjali. Huma rringrazzjaw ukoll lil Anika Caruana ta’ Shapes Junior għall-libsa sabiħa u għas-servizz ħelu li offriet.
“Wasalna d-dar lura bit-tifla kuntenta u qalbha mimlija ferħ,” kitbet omm Faith, hekk kif għalqet il-ġurnata grata għal din l-esperjenza li żgur se tibqa’ memorja sabiħa għal Faith u għall-familja kollha tagħha. Il-paġna tellgħet diversi ritratti oħra marbuta ma’ din il-kompetizzjoni filwaqt li kitbet “Esperjenza oħra tal-ewwel”, flimkien mal-hashtags #downsyndromemodel u #nothingdown li jfakkru kif Faith qed tkompli tgħix il-ħolm tagħha b’ esperjenzi ġodda b’kunfidenza u tbissima.
Bla dubju, din kienet memorja oħra sabiħa li se tibqa’ għal dejjem kemm għal Faith kif ukoll għall-familja tagħha!
Fb/ Up & Up with Faith