Il-Birgu Se Jerġa’ Jixgħel B’45,000 Xemgħa Għall-Birgu By Candlelight

Il-Birgu se jerġa’ jinbidel f’xena mill-isbaħ imdawla b’madwar 45,000 xemgħa għall-Birgu by Candlelight, il-qofol tal-Birgufest 2026. Din is-sena, l-attività se ssir fid-9 u l-10 ta’ Ottubru u mistennija tattira eluf ta’ persuni lejn il-belt storika.

Din se tkun id-19-il edizzjoni tal-Birgufest, li matul is-snin saret appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u turistiku Malti. Il-qofol jintlaħaq is-Sibt 10 ta’ Ottubru, meta d-dawl tat-toroq tal-Birgu jintefa u minfloku eluf ta’ xemgħat idawlu t-toroq u l-pjazez, u joħolqu atmosfera partikolari madwar il-belt. Il-programm jinfirex fuq jumejn, bl-attivitajiet jibdew fit-20:00 nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru u fis-17:00 is-Sibt 10 ta’ Ottubru.

Matul il-Birgufest se jkun hemm bands f’diversi żoni, reenactments, mużewijiet miftuħa, kunċerti fil-knejjes, festival ta’ films qosra, wirjiet tal-arti, armar tal-festi, ikel tradizzjonali u diversi attivitajiet oħra. Il-Ġimgħa filgħaxija, The Travellers se jagħtu kunċert b’xejn li jibda fit-22:00. Is-Sibt, il-pubbliku se jkun jista’ jattendi wkoll għal Tnemnim, li se jinkludi tliet kunċerti separati organizzati mir-Reġjun Port.

F’Couvre Porte se jkun hemm ukoll l-Artisan Market, fejn diversi artiġjani se jesebixxu u jbigħu xogħol magħmul bl-idejn. Ir-residenti, il-voluntiera u l-għaqdiet volontarji se jerġgħu jkollhom sehem importanti fit-tħejjija u t-twettiq tal-attività. Id-dettalji tal-Birgufest 2026 tħabbru waqt it-tnedija uffiċjali fil-preżenza tal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, is-Sindku tal-Birgu John Boxall, rappreżentanti tal-Kunsill Lokali u l-organizzaturi.

Il-Ministru Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi li jagħtu ħajja lill-komunitajiet u jippromwovu l-wirt kulturali u l-identità tal-lokalitajiet. Hija sostniet li permezz ta’ attivitajiet bħal Birgufest, il-komunitajiet jingħataw spazju biex juru l-identità tagħhom filwaqt li tissaħħaħ il-ħidma bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali, ir-residenti u l-għaqdiet volontarji.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku John Boxall irringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-appoġġ tagħhom sabiex il-Birgufest tkompli tikber u tattira eluf ta’ viżitaturi. Għal dawk li se jżuru l-Birgu, is-Sibt se jkun hemm ukoll arranġamenti speċjali għat-trasport. Ir-rotot tal-karozzi tal-linja 2 u 4 se joperaw b’ħinijiet estiżi, filwaqt li se jkun hemm shuttle service minn Lourdes Bus Stop f’Raħal Ġdid lejn il-Birgu. Is-servizz tal-ferry bejn il-Birgu u l-Belt Valletta se jibqa’ għaddej sas-01:00.

Bil-Birgu by Candlelight, il-mużewijiet, il-mużika, l-arti u l-ikel tradizzjonali kollha f’post wieħed, il-Birgufest se jerġa’ jagħti lill-pubbliku l-opportunità li jesperjenza l-Birgu b’mod differenti matul jumejn ta’ attivitajiet.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI