Il-Bank of Valletta (BOV) kiseb rikonoxximent importanti fuq livell Ewropew hekk kif rebaħ il-Gold Award għall-Aqwa Kollaborazzjoni bejn Dipartimenti Differenti waqt il-European Contact Centre and Customer Service Awards (ECCCSA) 2026, li saru f’Londra.
Dan il-premju ngħata għall-inizjattiva Spot the Scam, kampanja li għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar il-frodi u tgħin lill-pubbliku jipproteġi l-informazzjoni personali u finanzjarja tiegħu. L-inizjattiva, li twettqet permezz ta’ kollaborazzjoni bejn diversi dipartimenti tal-Bank, tindirizza diversi tipi ta’ frodi, fosthom messaġġi qarrieqa, telefonati minn persuni li jippretendu li huma xi ħadd ieħor, siti elettroniċi foloz u skemi ta’ investiment frawdolenti.
F’din il-kategorija, il-BOV kiseb l-ewwel post quddiem ismijiet internazzjonali magħrufa, fosthom Tottenham Hotspur Football Club, li kiseb it-tieni post, u NatWest, li rebaħ il-premju tal-bronż. Il-Bank kien ukoll fost il-finalisti f’żewġ kategoriji oħra li jirrikonoxxu t-titjib fis-servizzi offruti lill-klijenti u l-impenn biex il-ħtiġijiet tagħhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-operat tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan is-suċċess u faħħar il-ħidma tat-timijiet involuti. "Dan il-premju juri x’nistgħu niksbu meta naħdmu flimkien, b’attenzjoni fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna," sostna Farrugia, filwaqt li enfasizza l-importanza li l-pubbliku jagħraf is-sinjali tal-frodi u jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Dan ir-rikonoxximent ikompli jenfasizza l-ħidma tal-BOV biex isaħħaħ il-protezzjoni tal-klijenti u jtejjeb l-esperjenza bankarja tagħhom.