Wara perjodu twil ta’ temp stabbli u temperaturi relattivament għoljin għal dan iż-żmien tas-sena, jidher li fix-xhur tal-ħarifa fl-aħħar se nibdew nesperjenzaw temp aktar kiesaħ u bix-xita. Skont it-tbassir ippubblikat mill-paġna It-Temp Madwarna, l-antiċiklun Afrikan mistenni jiddgħajjef u minfloku jibdew jilħqu lill-gżejjer Maltin sistemi ta’ maltemp ġejjin mill-Atlantiku.
Filwaqt li t-Tnejn 23 ta’ Novembru se jkun ikkaratterizzat minn temp bnazzi u riħ qawwi mill-Majjistral, it-Tlieta mistenni jkun fil-biċċa l-kbira xemxi. L-Erbgħa se jibda jidher aktar sħab għoli, filwaqt li l-Ħamis it-temp mistenni jissaħħab b’possibbiltà ta’ xita aktar tard matul il-ġurnata.
Il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru mistennija tkun l-aktar ġurnata instabbli, bil-possibbiltà ta’ maltempati bir-ragħad. Is-Sibt mistennija ftit xita, akkumpanjata minn riħ kiesaħ u qawwi, filwaqt li l-Ħadd it-temp għandu jkun ftit imsaħħab. L-aktar bidla notevoli se tkun fit-temperaturi, hekk kif it-temperatura mistennija tinżel minn madwar 21°C jew 22°C għal 18°C lejn tmiem il-ġimgħa. It-temperaturi minimi mistennija jinżlu wkoll minn 18°C għal madwar 12°C jew 13°C.
It-temperatura tal-baħar bħalissa tinsab madwar 21°C, filwaqt li l-indiċi tar-raġġi UV huwa baxx. Jidher għalhekk li l-aħħar jiem ta’ Novembru se jġibu magħhom bidla sinifikanti fit-temp, hekk kif ix-xita u l-kesħa mistennija jerġgħu jagħmlu tagħhom fil-gżejjer Maltin.