F’intervista mal-preżentatriċi Maria La Barokka waqt il-programm Kuxjenza, Dr Aaron Zammit Apap fisser kif il-bullying jikkawża “ħsara psikoloġika kbira” u saħaq li sfortunatament fid-dinja tal-lum għadu qiegħed iseħħ b’mod regolari f’kull ambjent li tista’ timmaġina.
Dr Zammit Apap li huwa l-fundatur tal-ewwel NGO f’pajjiżna li tiġġieled proprju l-bullying, spjega kif għall-kuntrarju ta’ dak li ħafna jaħsbu, il-bullying mhuwiex iseħħ biss fost it-tfal iżda qiegħed iseħħ ukoll fost l-adulti.
Fl-intervista dak il-ħin intervjeniet ukoll Kim Tonna li fi tfulitha esperjenzat il-bullying li f’ċerti ċirkostanzi saħansitra mmanifesta ruħu fi swat fiżiku. Kim qablet mad-diskors ta’ Dr Zammit Apap u sostniet li tant hu veru li l-bullying jaffetwa l-individwu mentalment li hi stess kienet tbati minn attakki ta’ paniku.
Il-fundatur tal-NGO ‘bBrave’ kompla jitkellem dwar il-ħidma li l-għaqda twettaq sabiex tara li jitrażżan il-bullying billi mhux biss toffri l-għajnuna li l-vittma iżda wkoll lil dik il-persuna li tkun qiegħda tibbulja lil ħaddieħor.
Facebook / Maria La Barokka u Pexels