Il-Eurovision Song Contest 2025 kiseb suċċess mingħajr preċedent, bil-kontest jilħaq 166 miljun telespettatur f’37 suq differenti, żieda ta’ 3 miljun fuq l-2024. Dan is-suċċess kien imsaħħaħ minn involviment qawwi taż-żgħażagħ u interazzjoni diġitali dejjem tikber.
Il-finali tal-2025 kisbet share ta’ telespettaturi ta’ 47.7%, l-ogħla perċentwal mill-2004. Żieda notevoli kienet fost l-udjenza żagħżugħa (15–24 sena), fejn inqabeż kull rekord preċedenti b’60.4% share.
F’19 mis-37-il pajjiż, il-finali qabżet il-50% share, bl-Iżlanda tissemma bħala l-ogħla b’97.8%. Filwaqt li l-Iżvizzera, il-pajjiż ospitu ta’ din is-sena, ra żieda ta’ 57% fuq is-sena ta’ qabel, bi 1.1 miljun telespettatur.
Anke swieq ewlenin oħra raw żidiet sinifikanti:
- Il-Ġermanja laħqet 9.1 miljun telespettatur
- Il-Polonja kellha 4 miljun
- Franza kisbet 40% viewing share, kollha jindikaw tkabbir sostanzjali.
Il-preżenza fuq il-midja diġitali kompliet tissaħħaħ: il-Finali fuq il-kanal uffiċjali ta’ Eurovision fuq YouTube ġab 12.1 miljun veduta live u fil-ġimgħa ta’ wara – żieda fuq l-2024. 146 pajjiż ivvutaw, inkluż numru rekord minn pajjiżi mhux parteċipanti, bl-Istati Uniti u l-Kanada fil-quċċata tal-votanti internazzjonali.
Il-kontest ġġenera attività bla preċedent fuq il-midja soċjali:
- TikTok ġab 748.5 miljun veduta
- Instagram laħaq 969 miljun veduta, konferma ċara tas-suċċess kulturali u online tiegħu.
Il-Eurovision 2025 innovat ukoll fil-mod ta’ kif il-partitarji jistgħu jipparteċipaw. My Eurovision Party fuq Roblox ġibed 1.2 miljun żjara, esperjenza interattiva li tat leħen ġdid lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Il-kanzunetti tal-Eurovision 2025 daħlu f’aktar minn 3,000 chart fuq Apple Music, b’rekord notevoli għall-kanzunetta rebbieħa Wasted Love, li daħlet fil-charts ta’ 38 pajjiż.
Il-belt ta’ Basel, laqgħet aktar minn 500,000 viżitatur, li ħolqu domanda qawwija għal akkomodazzjoni u biljetti b’impatt ekonomiku pożittiv għal-lokalità. Il-Eurovision Song Contest 2025 laħaq livelli ġodda ta’ suċċess globali, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ telespettaturi iżda wkoll f’interazzjoni diġitali, involviment taż-żgħażagħ, u innovazzjoni interattiva.
Din is-sena kkonfermat għal darb’oħra li l-Eurovision huwa ħafna aktar minn spettaklu – huwa moviment internazzjonali li jkompli jikber sena wara sena.