“Il-Festi Mhumiex Għall-Klieb” – L-Appell Minn Animal Welfare Gozo Għal Dan Iż-Żmien Tas-Sajf

L-organizzazzjoni Animal Welfare Gozo għamlet appell lis-sidien tal-annimali domestiċi biex jevitaw li jieħdu l-klieb tagħhom għall-festi tar-raħal, il-marċi u l-wirjiet tan-nar matul is-sajf speċjalment fix-xemx, filgħodu.

Fi stqarrija li qasmu fuq il-midja soċjali, spjegaw li għalkemm jista’ jidher li l-annimali qed jieħdu sehem fil-festa mal-familji tagħhom, ir-realtà hi differenti ħafna. Is-sħana qawwija, it-toroq sħan, il-folol tan-nies, il-baned u l-ħsejjes qawwija jistgħu jkunu esperjenza stressanti u ta’ biża’ għall-annimali. Apparti minn hekk is-sħana ma tagħmilx tajjeb għal saħħithom.



Huma fakkru li s-smigħ tal-klieb huwa ħafna aktar sensittiv minn dak tal-bniedem u għalhekk il-mużika u l-logħob tan-nar jistgħu jikkawżawlhom ansjetà, biża’ u saħansitra anke ħsara lis-smigħ tagħhom.

Animal Welfare Gozo appellat biex is-sidien iħallu lill-annimali tagħhom f’ambjent frisk u kwiet id-dar, b’ilma frisk u post komdu fejn jistrieħu. Saħqu li l-imħabba lejn l-annimali mhux bilfors tfisser li teħodhom miegħek kullimkien, iżda li tagħmel dak li hu l-aħjar għall-ġid tagħhom.

“Xi drabi, l-imħabba tfisser li tħallihom fejn iħossuhom l-aktar siguri,” temmet tgħid l-organizzazzjoni.

Ritratti:

Fb/ Animal Welfare Gozo u Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI