Il-fotografu lokali Paul Mizzi, magħruf bħala The Foto Grafer, għamel sena jitħarreġ il-vuċi sabiex ikanta kanzunetta miktuba apposta għall-jum iż-żwieġ ta’ bintu Monique.
L-awtur lokali Etienne Micallef li ħa ħsieb il-lirika ta’ din il-kanzunetta jikteb, “‘Mil-Lenti Tiegħi’ – storja ta’ mħabba u memorji maqbuda f’kull nota u f’kull kelma. Ktibt bil-qalb il-kliem ta’ din il-kanzunetta verament emozzjonanti għat-tieġ ta’ Monique u Daniel. Imma l-isbaħ fatt hu li l-kanzunetta qed ikantaha Paul, missier Monique stess li ta sorpriża lil bintu fil-jum tat-tieġ.”
Hu jżid jgħid, “Lil Paul kulħadd jafu bħala ‘Paul the Foto Grafer’ tal-Fgura, li jagħmel maġija bil-kamera tar-ritratti. Fil-fatt, ir-ritratti kollha tal-video li komplew iżewqu l-kanzunetta huma kollha xogħlu. Ħajr lil Damian Mizzi u lil Gillian Attard li ħadmu miegħi fuq il-kanzunetta li messet il-qalb ta’ kulħadd fit-tieġ tal-25 ta’ April li għadda. Nawgura l-isbaħ xewqat lil din il-kopja verament ħelwa.”
Il-kompożizzjoni u l-produzzjoni tal-kanzunetta kienet f’idejn iben il-kantant Damian Mizzi, filwaqt li l-għalliema tal-vuċi Gillian Attard għenet lil Paul f’dan il-vjaġġ biex jagħti sorpriża lil bintu.
Prosit Paul! Issorprendejt lil kulħadd!