L-awtoritajiet qed ifakkru lill-pubbliku sabiex joqogħdu attenti waqt il-ġbir ta’ pjanti u faqqiegħ selvaġġ, hekk kif dan jista’ jkun ta’ riskju serju għas-saħħa jekk persuna ma tkunx ċerta x’qed tiġbor jew tikkonsma.
Ġie enfasizzat li wieħed qatt m’għandu jiekol pjanti jew faqqiegħ li ma jafx x’inhuma, anke jekk jidhru simili għal speċi li normalment jittieklu.
“Xi pjanti u faqqiegħ velenużi jistgħu jixbhu ħafna lil dawk li huma siguri għall-konsum, u dan jista’ jwassal għal konsegwenzi perikolużi.”
L-awtoritajiet qed iwissu wkoll biex persuni ma jiddependux biss fuq mobile apps jew teknoloġija biex jidentifikaw pjanti u faqqiegħ, peress li dawn mhux dejjem ikunu preċiżi.
Il-messaġġ ewlieni jibqa’ li dak li hu selvaġġ mhux bilfors ifisser li huwa sigur għall-ikel.
F’każ ta’ esponiment aċċidentali jew suspett ta’ avvelenament, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iċempel immedjatament fuq in-numru 1774 għall-assistenza.