Il-Kantant Lokali Drakard Jagħlaq 23 Sena – Awguri Mill-Qalb!

Il-kantant Drakard, ilbieraħ iċċelebra għeluq it-23 sena tiegħu. L-artist, twieled fiż-Żurrieq fil-21 ta’ Ottubru 2003, matul dawn l-aħħar snin irnexxielu jibni karriera kemm fil-qasam mużikali kif ukoll f'dak televiżiv.

Il-passjoni tiegħu għall-mużika bdiet minn età żgħira, meta beda jitħarreġ fil-kant taħt il-gwida ta’ Priscilla Psaila, magħrufa bħala Kaya. Matul is-snin ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet prestiġjużi, fosthom San Remo Junior Malta, Junior Voices, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, il-Malta Junior Eurovision Song Contest, Singer Stage u L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ. Hu rnexxielu jirbaħ kemm Singer Stage u kemm L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ.

Fl-2022 kien wieħed mill-finalisti ta' X Factor Malta u minn hemm kompla jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xena mużikali lokali permezz ta’ kanzunetti oriġinali bħal Over, Dust u Alive. L-ewwel żewġ kanzunetti tiegħu saħansitra rnexxielhom jidħlu mal-ewwel għaxra fil-klassifika lokali tal-aktar kanzunetti li jindaqqu fuq ir-radju.

Fl-2023, Drakard ingħaqad mal-kantanta Lisa Gauci għall-festival Mużika Mużika, fejn flimkien interpretaw il-kanzunetta Jekk Mhux Int, kanzunetta li kisbet it-tieni post fil-klassifika finali.

Minbarra l-mużika, Drakard wera wkoll it-talent tiegħu bħala attur, hekk kif interpreta wieħed mill-irwoli ewlenin fid-drama Maltija Ulied il-Lejl. Bħalissa, Drakard qed ikompli jferraħ lit-telespettaturi Maltin bħala l-mużiċist residenti tal-programm popolari Sibtek, li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq TVM.

Minn qalbna, nawguraw lil Drakard l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu u aktar suċċessi fil-karriera tiegħu!

Ritratt:

Facebook / Drakard

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI