Għall-Ewwel Darba Fl-Istorja Is-Sindki Kollha Ta’ Malta U Għawdex Jiltaqgħu Mal-Papa Ljun XIV Fil-Vatikan

Mument tassew speċjali u storiku għas-Sindki Maltin u Għawdxin, hekk kif għall-ewwel darba kollha kemm huma nġabru flimkien fil-Vatikan għal udjenza mal-Papa Ljun XIV. Din iż-żjara, organizzata mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, laqqgħet lir-rappreżentanti tal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex f’okkażjoni li wasslet messaġġ sabiħ ta’ għaqda, paċi u solidarjetà.

Għal din l-udjenza attendew ukoll il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo, il-Presidenti Reġjonali u l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit. Matul din l-okkażjoni ġiet enfasizzata l-importanza tar-rispett reċiproku, tad-djalogu u tal-inklużjoni. Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet li l-messaġġ ta’ paċi u solidarjetà għandu jissarraf f’azzjonijiet konkreti fil-komunitajiet tagħna.

"Il-paċi tibda minn kull wieħed u waħda minna, mill-mod kif nittrattaw lil xulxin u mir-rispett li nuru lejn id-differenzi ta’ bejnietna," sostniet il-Ministru. Hija ġeddet ukoll l-istedina li kienet saret mill-President tar-Repubblika u mill-Prim Ministru sabiex il-Papa Ljun XIV iżur Malta fil-futur qarib. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Mario Fava, iddeskriva din l-esperjenza bħala opportunità unika biex is-Sindki jwasslu messaġġ komuni ta’ għaqda u solidarjetà.

Matul iż-żjara, dawk preżenti ġabru wkoll donazzjoni għall-ħidma ta’ karità tal-Papa favur persuni u familji fil-bżonn. L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ppreżentat ukoll lill-Papa platt taċ-ċeramika maħdum u mpitter bl-idejn, li fuqu jidhru l-emblemi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali kollha ta’ Malta u Għawdex, bħala simbolu ta’ għaqda u appartenenza. Bla dubju, din kienet ġurnata memorabbli għar-rappreżentanti tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Ritratt:

Facebook / Vatican News

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI