Il-kantant lokali, Miguel Bonello Stewart qasam messaġġ ta' sodisafazzjon, hekk kif matul Jum ir-Rabat ingħata rikonoxximent ieħor għall-kontribut tiegħu fis-settur artistiku.
Għal Miguel, dan ma kienx sempliċiment premju ieħor. Kien mument b’tifsira speċjali, speċjalment meta wieħed iqis li dan ir-rikonoxximent wasal eżattament għaxar snin wara li kien irċieva l-ewwel wieħed għall-ħidma artistika tiegħu.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Miguel ma naqasx milli jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn is-Sindku Sandro Craus u l-kunsilliera kollha li taw is-sehem tagħhom biex dan il-mument ikun possibbli.
Il-kantant qal li jinsab tassew onorat, grat u kburi b’dan ir-rikonoxximent li jingħata propju f’raħal twelidu, għax wara tant snin ta’ mużika, xogħol u dedikazzjoni, x’jista’ jkun isbaħ minn meta l-komunità tiegħek stess tagħraf dak li tkun tajt lill-qasam artistiku?
U forsi l-aktar ħaġa sabiħa hi, li għaxar snin wara l-ewwel rikonoxximent, l-istorja ta’ Miguel għadha qed tkompli tikteb kapitli ġodda.
Facebook/Miguel Bonello Stewart