Il-komunità tal-Knisja ta’ San Franġisk f’Birkirkara sellmet u rringrazzjat lil Fra Michael Attard OFM Conv. għas-servizz u l-ħidma tiegħu fost il-fidili, filwaqt li laqgħet uffiċjalment lil Fra George Micallef OFM Conv. bħala l-Gwardjan u r-Rettur il-ġdid tal-knisja.
Permezz ta’ messaġġ ippubblikat fuq il-midja soċjali, il-komunità flimkien mal-familji residenti fiż-żona esprimew il-gratitudni tagħhom lejn Fra Michael għaż-żmien li qatta’ jaqdi l-missjoni pastorali tiegħu fi ħdan il-komunità.
“Il-Komunità tagħna flimkien mal-familji taż-żona tal-madwar tixtieq tirringrazzja mill-qalb lil Fra Michael Attard għaż-żmien li ħadem fostna,” intqal fil-messaġġ. Dawk kollha li jemmnu wegħdu wkoll it-talb tagħhom għalih fil-kapitlu l-ġdid tal-vokazzjoni tiegħu, filwaqt li talbu lill-Madonna tas-Saħħa biex tibqa’ takkumpanjah u tħarsu fil-mixja tiegħu.
Fl-istess ħin, il-komunità laqgħet fostha lil Fra George Micallef OFM Conv., li minn issa se jkun qed jaqdi r-rwol ta’ Gwardjan u Rettur tal-Knisja ta’ San Franġisk. Il-messaġġ juri spirtu ta’ għaqda u kollaborazzjoni, hekk kif il-komunità wegħdet lil Fra George mhux biss l-appoġġ tagħha iżda wkoll it-talb kontinwu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu bl-aħjar mod possibbli.
“Nilqgħu fostna lil Fra George Micallef bħala l-Gwardjan u r-Rettur tal-Knisja tagħna li wkoll inwegħduh l-għajnuna u t-talb tagħna,” temmet tgħid il-komunità.
Dawn il-bidliet pastorali huma mumenti importanti fil-ħajja tal-komunitajiet parrokkjali u reliġjużi, hekk kif jagħtu opportunità għal kapitlu ġdid fil-ħidma spiritwali u pastorali, filwaqt li jibqgħu japprezzaw il-kontribut ta’ dawk li servew qabilhom. Nawguraw lil Fra Michael Attard kull ġid fil-missjoni tiegħu u lil Fra George Micallef kull suċċess fil-ħidma ġdida tiegħu fost il-komunità ta’ San Franġisk f’Birkirkara.