Partita intensa li ntlagħbet ilbieraħ bejn l-Arġentina u l-Eġittu qanqlet kontroversja hekk kif għadd ta' partitarji esprimew id-dubji tagħhom dwar kemm kienu ġusti ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu mir-referee matul dan il-konfront.
Il-kontroversja ssoktat bil-kummenti tal-kowċ tat-tim nazzjonali Eġizzjan Hossam Hassan.
F'konferenza li hu ħa sehem fiha wara li waslet fi tmiemha din il-partita bi skor ta' 3-2 favur l-Arġentina, il-kowċ Eġizzjan allega li t-Tazza tad-Dinja hi manipulata favur l-Arġentina.
Evidentament emozzjonat u ddiżappuntat, hu sostna li ċerti deċiżjonijiet meħuda mir-referee matul dik il-partita ma kienux ġusti.
F'dan l-isfond, dalgħodu t-tim nazzjonali Eġizzjan ressaq ilment quddiem FIFA fejn talab sabiex isseħħ investigazzjoni fuq ir-referee Franċiż li lbieraħ mexxa l-partita Arġentina-Eġittu. Huma talbu wkoll sabiex dan ir-referee jitkeċċa għall-bqija tal-kampjonat.
YouTube / Sky Sports News u Facebook / FIFA World Cup