Huwa tajjeb li kulħadd isemma’ leħnu f’pajjiż demokratiku, speċjalment meta jidħol id-dmir tal-vot. Iżda huwa inaċċetabli li persuna jgħaddi ċertu kummenti lill-persuni publiċi li jkunu qed jikkontestaw l-elezzjonijiet, irrelevanti mill-opinjoni personali. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa tkellem dwar dan.
Hu qal, “Il-livell ta’ mibegħda, kummenti kattivi u kliem xokkanti li qed naraw lejn persuni fil-qasam politiku f’dan l-aħħar xahar huwa tassew inkwetanti. Tista’ ma taqbilx ma’ politiku, tikkritika proposta jew tiddefendi l-ideat tiegħek b’passjoni. Dik hija parti mid-demokrazija. Imma meta persuna tasal biex tgħid lil ħaddieħor biex itemm ħajtu, tidħaq bis-saħħa mentali tiegħu, tkun razzist jew titkellem bħallikieku m’għandux valur bħala bniedem, inkunu qbiżna kull limitu.”
Żied, “Wara kull persuna fil-ħajja pubblika hemm bniedem b’emozzjonijiet, familja, problemi u vulnerabbiltajiet bħal kulħadd. Il-kliem iweġġa’, anke meta jinkiteb minn wara screen. Jinkwetani li fl-2026, minkejja li nitkellmu ħafna fuq is-saħħa mentali, għad hawn min juża s-social media biex ikisser, jumilja u jneżża’ lill-oħrajn mill-umanità tagħhom.”
Qal ukoll, “Nistgħu nwasslu b’qawwa il-fehma politika tagħna mingħajr ma nkunu kattivi. Dawn l-affarijiet mhux biss ikissru lill-individwu u l-familjari, imma jaqtgħu l-aptit ta’ persuni validi milli jieħdu sehem fil-politika.”
Nicholas Briffa