Illum huwa jum speċjali għal wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa fix-xena mużikali lokali. Il-Maestro Paul Borg, il-fundatur u d-direttur mużikali ta’ Versatile Brass Band, qed jiċċelebra għeluq sninu.
Paul ilu għal snin twal sinonimu ma’ Versatile Brass Band, proġett li beda mill-imħabba tiegħu lejn l-istrumenti tar-ramm u li matul is-snin kiber f’wieħed mill-aktar ensembles distintivi f’Malta. Huwa mhux biss il-fundatur tal-grupp, iżda wkoll il-moħħ wara ħafna mill-arranġamenti mużikali tiegħu.
Il-passjoni ta’ Paul għall-mużika bdiet minn età żgħira ħafna. F’intervista ma’ The Malta Independent, huwa kien irrakkonta kif ta’ 13-il sena kien diġà beda jgħallem strumenti tar-ramm lil studenti oħra, filwaqt li aktar tard beda jifforma quartets u quintets. Minn hemm bdiet tieħu l-forma l-viżjoni li eventwalment saret Versatile Brass Band.
Lil hinn mill-karriera mużikali tiegħu, Paul huwa raġel tal-familja. Huwa miżżewweġ lil Andreina, missier Martina u Benjamin u nannu ta’ Carla. Meta darba ġie mistoqsi x’jikkunsidra bħala l-akbar kisba tiegħu, it-tweġiba tiegħu kienet sempliċi, il-familja tiegħu.
Illum, f’għeluq sninu, żgur li ma jonqsux l-awguri għal bniedem li tul is-snin ta kontribut importanti lix-xena mużikali Maltija u li kompla jagħti identità unika lil Versatile Brass.
Nawguraw lil Paul Borg l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu u ħafna aktar snin ta’ mużika!
Facebook / Paul Borg