Ilbieraħ waqt it-tieġ ta’ Kayleigh u Daniel Buhagiar, seħħ wieħed minn dawk il-mumenti li jżommok sieket u jimlilek qalbek b’emozzjoni pura. DJ Pierre Cordina, li kien inkarigat mill-mużika għal din il-ġurnata tant speċjali, qasam fuq il-midja soċjali esperjenza li għalih tibqa’ mnaqqxa għal dejjem f’qalbu.
F’nofs il-ferħ, iż-żfin u l-atmosfera ta’ ċelebrazzjoni, seħħ ġest li verament mess lil kulħadd. Fost il-mistednin kien hemm Sandro, żagħżugħ li juża wheelchair. Kellu xewqa waħda: dik li jiżfen mal-għarusa. Minkejja l-isfidi u l-limitazzjonijiet fiżiċi, il-mument li tant xtaq sar realtà—u sar b’mod li ħalla impatt fuq kulħadd.
Pierre spjega li dak li l-aktar ispirah ma kienx iż-żfin innifsu, iżda l-attitudni straordinarja ta’ Sandro lejn il-ħajja. Il-mod kif jaffaċċja kull sfida, il-kuraġġ li jġorr miegħu, u l-kapaċità li jara t-tjubija anke meta l-ħajja mhux dejjem titbissimlek.
Huwa kiteb: “No matter the challenges, keep believing, keep dreaming and keep dancing in the rain.” Kliem li jagħmel sens hekk kif tara l-mument b’għajnek: mhux biss żfin, iżda messaġġ ta’ tama, fiduċja u preservanza.
Għall-għarusa u għall-mistednin, dan il-mument kien wieħed ta’ emozzjoni pura. Għal Pierre, kienet lezzjoni. U għal min qara l-messaġġ tiegħu, kienet tfakkira li kull festa, kull tieġ u kull ġurnata jistgħu jġorru magħhom episodji li jgħallmuk tapprezza iktar il-ħajja ta’ madwarek.
F’soċjetà li kemm-il darba tiġġudika fuq kollox, Sandro wera li l-ispirtu tal-bniedem hu dejjem akbar minn kull sfida. U Pierre għażel li jgħaddi magħna dan il-messaġġ li forsi lkoll xi darba niġu bżonnu – biex ma naqtgħu qatt qalbna iżda nkomplu nemmnu, noħolmu u nitgħallmu “niżfnu taħt ix-xita.”
Instagram / Dj Pierre Cordina