Fi stqarrija li ħareġ il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali huma spjegaw eżatt x’ħa jkun qed jiġri fil-Belt Valletta.
Huma kitbu, “Kif diġà ġie spjegat fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din is-sena mhux se jkun possibbli li jiġu organizzati l-avvenimenti tal-massa jew l-attivitajiet annwali li jsiru s-soltu waqt il-Milied. Tħassru l-avvenimenti maġġuri kollha inkluż ‘Fairyland’.”
Huma jkomplu jisħqu, “Għalhekk, kontra l-impressjoni li ngħatat minn xi wħud, mhu minnu xejn li fil-Belt Valletta, jew f’xi lokalitajiet oħra, se jittellgħu xi parties jew serati ta’ divertiment. Kif ukoll diġà ġie spjegat fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, b’konsultazzjoni sħiħa mal-kommunità kummerċjali tal-belt kapitali, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se żzejjen biss it-toroq ewlenin, se tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, se jintrama l-presepju, kif ukoll se ssir projezzjoni ta’ dwal fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President u fi Pjazza San Ġorġ.”
Huma jagħmlu aċċen li, “Il-ħsieb tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta huwa li, permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, il-familji u t-tfal Maltin u Għawdxin li jagħżlu li jidħlu l-Belt Valletta biex jixtru r-rigali lill-qraba tagħhom jew biex jieklu fir-ristoranti matul dak il-perjodu, jkunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu pożittiv tal-Milied.”
Jagħlqu billi jgħidu li s-saħħa ta’ dak li jkun tibqa’ l-prijorità f’dawn iż-żminijiet xejn faċli għalina lkoll.
Facebook / Julia Farrugia Portelli