“Il-Motto Ta’ Ħajti Huwa: ‘Xejn Mhu Impossibbli’… Dejjem Inżomm Kalma Quddiem Kull Sfida!” – Ayla

Meta Ayla kellha biss sentejn, it-tobba saru jafu li kellha xi kumplikazzjonijiet ta' saħħa li kienu se jwasslu l-ħitan tal-isptar sabiex isiru t-tieni d-dar tagħha għal xi żmien. Waqt 'NET Live', Ayla tistqarr li minn dakinhar 'l hawn, il-motto ta' ħajjitha dejjem kien li xejn fil-ħajja mhu impossibbli.

Hi tispjega kif matul dawn l-aħħar snin għarfet tiffaċja kull sfida b'kalma. Tistqarr ukoll b'umiltà li meta tħossha eżawrita biċ-ċirkostanzi diffiċli ta' madwarha, ma tiddejjaqx tinfexx f'bikja qasira, li hi ssostni li tgħinha tħossha aħjar wara ftit sigħat.

Ayla titkellem ukoll dwar il-ħolma tagħha; dik li fis-snin li ġejjin tkun tista' tgħix ħajja ordinarja bħal sħabha, u b'hekk tkun tista' twettaq il-ħolm kollu tagħha.

Matul dawn l-aħħar snin, Ayla saret magħrufa ma' bosta Maltin għall-filmati li ttella' fuq il-pjattaforma ta' TikTok fejn minkejja l-isfidi li tkun qed tiffaċja, dejjem tispikka t-tbissima li jkollha fuq fommha.

'NET Live' jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-16:30.

Ritratt:

Facebook / NET Live u TikTok / Ayla’s Journey

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI