Mara Li Għexet F’Malta 2,000 Sena Ilu Se Terġa’ Tieħu l-Ħajja Permezz Tax-Xjenza – X’Ħa Jsir Eżatt?

Kif kienet tidher mara li għexet f’Malta madwar 2,000 sena ilu? Din il-mistoqsija dalwaqt tista’ tingħata tweġiba grazzi għal proġett ġdid immexxi minn Heritage Malta u l-Eden Leisure Foundation.

L-iskeletru tagħha, magħruf bħala Skeleton 248, instab fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat waqt skavi li saru bejn l-2010 u l-2015. L-esperti jemmnu li kienet mara ta’ bejn id-19 u l-25 sena.

Ritratt: Heritage Malta

Bl-użu tal-aħħar teknoloġija, fosthom testijiet tad-DNA antik, carbon dating u skans 3D, se ssir rikostruzzjoni realistika tal-ġisem tagħha. Ix-xogħol se jitmexxa mill-Kennis Brothers, magħrufa internazzjonalment għar-rikostruzzjoni ta’ figuri storiċi.

Flimkien mal-iskeletru nstabu wkoll diversi oġġetti personali, fosthom pinn tax-xagħar, pendenti u kontenitur żgħir tal-ħġieġ, li se jgħinu biex tinbena stampa aktar ċara ta’ ħajjitha.

Meta jitlesta fi żmien erba’ snin, il-mudell ta’ daqs naturali se jkun esebit fil-Katakombi ta’ San Pawl, u jagħti lill-pubbliku ċ-ċans jara mill-qrib kif setgħet kienet tidher mara li għexet Malta elfejn sena ilu.

Ritratti:

Facebook / Heritage Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI