L-ekx Prim Ministru Duminku Mintoff, magħruf bħala l-Perit Mintoff ġie nieqes seba' snin ilu fl-età ta' 96 sena! Hu serva ta' Prim Ministru taħt erba' leġislaturi u dam fil-karriga għal sittax-il sena. Hu għamel 35 sena bħala mexxej tal-Partit Laburista u serva għal 47 sena bħala deputat fil-parlament Malti, elett għal 14-il darba konsekuttivi bejn 1945 u l-1996.
Ritratt: Facebook / Anton Refalo
Wieħed jista' jgħid li Mintoff kien maħbub minn ħafna imma fl-istess ħin kien ukoll kritikat minn oħrajn. Fost l-aktar affarijiet li jibqa' mfakkar insibu s-servizzi soċjali li għenu biex f'Malta bilmod jinqered il-faqar. Barra minn hekk kien il-Prim Ministru li mexxa lil pajjiżna għal Malta Repubblika fl-1974 u l-ħelsien mill-qawwiet barranin fl-1979.
Hu kien it-tielet wild fost disgħa, imwieled u mgħammed ġewwa Bormla. Fatt kurjuż li forsi ftit jafu hu li kien imsemmi Duminku għax barra li twieled fil-festa ta' mewt dan il-qaddis, il-ġenituri tiegħu kienu devoti u partitarju ta' San Duminku tal-Birgu. Omm il-Perit Mintoff, kellha wegħda ma' San Duminku biex ikollha tifel wara żewġt ibniet.

Ritratt: Facebook / Emmanuel Cuschieri
Daħal fix-xena politika fl-1935 u baqa attiv b'xi mod jew ieħor snin twal għax anke meta ma kkontestax l-elezzjoni tal-1998, ftit wara flimkien ma' Karmenu Mifsud Bonnici ħoloq il-moviment Front Maltin Inqumu. Meta ġiet imħabbra l-mewt tiegħu, fl-20 ta' Awwissu f'Borma mill-ewwel dehru ċfuf suwed u sinjali ta' luttu ma' postijiet pubbliċi.
Hu miet ġewwa daru f'Ħal Tarxien u hemm kienu inġabru nies jitolbu u jgħidu r-rużarju. L-għada l-bnadar madwar il-pajjiż kienu ttajru mezza lasta b'rispett lejn dan il-politiku. Il-kap tal-Partit Laburista u Prim Ministru llum il-ġurnata, Joseph Muscat qal: "taqbel jew taqbilx ma’ Mintoff, kulħadd jaqbel li mingħajr dan il-bniedem Malta ma kinitx tkun fejn hi llum."

Ritratt: Facebook / Dom Mintoff 1916 - 2012
Il-mewt tiegħu kienet irrapurtata madwar id-dinja, mill-Italja, għall-Ingilterra sal-Amerika. Il-funeral kien sar ħamest ijiem wara mewtu, fil-25 ta' Awwissu u ċertament li kien wieħed mill-akbar funerali li Malta qatt rat u saħansitra nqara messaġġ ta’ kondoljanzi li ntbagħat lill-President ta’ Malta mill-Papa Benedittu XVI.
F'isem Gwida.mt infakkru l-memorja ta' dan il-personaġġ li niżżel ismu fl-istorja ta' Malta. Strieħ fis-sliem.
Ritratt: Facebook / Dom Mintoff 1916 - 2012