Il-Papa Ljun XIV Bi Kliem Aħrax Dwar Il-Piena Tal-Mewt

Ftit sigħat ilu l-Papa Ljun XIV esprima l-kundanna ħarxa tiegħu lejn il-piena tal-mewt, hekk kif iddeskriviha bħala "attakk fuq id-dinjità tal-persuna". Hu saħaq li pajjiż m'għandux għalfejn jirrikorri għal sentenza ta' din ix-xorta sabiex jipproteġi lis-soċjetà u jiżgura li sseħħ ġustizzja.

Il-Papa spjega fi kliemu li "llum jeżistu mezzi effettivi ta' arrest li jipproteġu liċ-ċittadini filwaqt li ma jċaħdux lill-ħatja mill-possibbiltà li jifdu lilhom infushom".

Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika tenna dan il-kliem fuq il-midja soċjali fl-isfond tal-aħbar li art twelidu, l-Istati Uniti tal-Amerka, se tkun qiegħda xxandar b'mod dirett għall-pubbliku l-eżekuzzjoni ta' psikjatra li kien jaħdem mal-armata Amerikana u lura fl-2008 fetaħ in-nar f'bażi militari b'konsegwenza li ħasad il-ħajja ta' 12-il suldat u persuna oħra li nzertat kienet qiegħda hemmhekk.

B'dan il-kliem, il-Papa Ljun XIV qed jindika li se jkun qed jimxi fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu fejn jidħol is-suġġett tant kontroversjali tal-piena tal-mewt.

Dan hekk kif fis-snin li serva bħala Kap tal-Vatikan, il-Papa Franġisku wkoll kemm-il darba kkundanna l-piena kapitali, u fl-2018 kien saħansitra aġġorna t-tagħlim tal-Knisja Kattolika sabiex din il-piena tkun inaċċettabli f'kull ċirkostanza, billi qabel kienet tollerata f'ċerti ċirkostanzi estremi.

Intom x'taħsbu dwar il-piena tal-mewt?

Ritratt:

Instagram / @pontifex u Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI