Bħal-Lum Ġimagħtejn F’Pajjiżna Se Jsir Il-Junior Eurovision Song Contest 2026

Proprju bħal-lum ġimagħtejn, għat-tielet darba fl-istorja tiegħu, pajjiżna se jkun qiegħed jospita edizzjoni oħra tal-Junior Eurovision Song Contest. Dan wara li f'Mejju li għadda l-EBU ħabbret li Malta se tkun qiegħda ttella' l-edizzjoni ta' din is-sena ta' dan il-festival tant segwit minn madwar id-dinja.

Is-serata tal-24 t'Ottubru mistennija tkun imsejsa fuq il-festi Maltin u se tkun ippreżentata mill-bravissimi Keane Cutajar, Destiny kif ukoll Gaia Cauchi. Ftit xhur ilu, it-tlett preżentaturi flimkien ippreżentaw b'mod eċċezzjonali l-Malta Eurovision Song Contest ta' din is-sena. Tnejn mill-preżentaturi wkoll kellhom l-unur li f'isem pajjiżna jirbħu l-Junior Eurovision Song Contest fil-passat; Gaia fl-2013 bil-kanzunetta 'The Start' u Destiny fl-2015 bil-kanzunetta 'Not My Soul'.

Dan il-festival mistenni jara taħlita ta' tfal u żgħażagħ minn 16-il pajjiż differenti, ilkoll jagħtu ħilithom sabiex ikunu huma li jagħmlu ġieħ lil pajjiżhom u jerfgħu t-trofew tant prestiġjuż.

Din is-sena, Malta se tkun irrappreżentata minn Beppe Caruana bil-kanzunetta 'Blue Bird'. Minkejja li għad għandu biss 11-il sena, Beppe għandu vuċi ferm b'saħħitha u mill-isbaħ. Żgur li se jkun qed jagħmel ġieħ lill-isem Malti u jagħti prestazzjoni mill-isbaħ lill-miljuni minn madwar id-dinja li jkunu qed isegwu minn wara t-televixin mill-kenn ta' darhom.

Apparti Malta, il-pajjiżi li din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw fil-Junior Eurovision Song Contest huma l-Albanija, l-Armenja, Ċipru, Franza, il-Ġorġja, l-Irlanda, l-Italja, il-Montenegro, l-Olanda, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Polonja, il-Portugall, San Marino, Spanja, kif ukoll l-Ukrajna.

Intom se ssegwuh il-Junior Eurovision Song Contest din is-sena?

Ritratt:

Facebook / Junior Eurovision Song Contest

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI