Il-Papa Ljun XIV, li għandu 71 sena, insabtlu kanċer fil-pulmun wara li nhar it-Tlieta 13 ta’ Ottubru saritlu operazzjoni fl-Isptar Gemelli f’Ruma. L-aħbar ġiet ikkonfermata uffiċjalment mill-Vatikan, li ħabbar ukoll li l-intervent kirurġiku kien wieħed ta’ suċċess.
Waqt l-operazzjoni, li damet madwar 90 minuta, it-tobba neħħew il-parti t’isfel tal-pulmun tal-lemin tal-Papa. Wara aktar eżamijiet, ġie kkonfermat li l-Papa għandu tip ta’ kanċer li jiżviluppa fiċ-ċelloli tal-pulmun.
Kien il-Ħadd li għadda, waqt it-talba tal-Angelus, li l-Papa nnifsu kien ħabbar li t-tobba sabulu nodulu żgħir fil-pulmun waqt eżamijiet mediċi. Huwa kien spjega li dan instab fi stadju bikri u f'parti speċifika tal-pulmun, filwaqt li talab lill-fidili sabiex iżommuh fit-talb tagħhom.
Skont l-aħħar informazzjoni maħruġa mill-Vatikan, l-operazzjoni saret kif ippjanat u ma ġew irreġistrati l-ebda kumplikazzjonijiet. Il-Papa qam normalment mill-anestesija u rritorna fil-kamra tiegħu, fejn bħalissa qed jistrieħ u jirkupra taħt is-superviżjoni tat-tobba. Huwa mistenni jibqa’ l-isptar għal madwar ġimgħa, filwaqt li l-impenji pubbliċi tiegħu ġew ikkanċellati sal-20 ta’ Ottubru. Għadu mhux magħruf jekk il-Papa hux se jkollu bżonn aktar trattament, hekk kif dan jiddependi minn aktar valutazzjonijiet mediċi.
Din l-aħbar qanqlet tħassib fost miljuni ta’ Kattoliċi madwar id-dinja, b’ħafna jingħaqdu fit-talb sabiex il-Papa Ljun XIV jirkupra mill-aktar fis u jkun jista’ jerġa’ lura għall-ħidma pastorali tiegħu.
Facebook / Pope Leo Friends