Ir-ristorant popolari Il Pirata Valletta ħabbar li għalaq uffiċjalment il-bibien tiegħu, u b’hekk intemm kapitlu li dam għaddej għal diversi snin fil-Belt Valletta. Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, it-tim wara r-ristorant irringrazzja lill-klijenti kollha li appoġġjawh tul is-snin, filwaqt li fakkar fil-memorji sbieħ li nħolqu flimkien.
"Nixtiequ nirringrazzjaw sinċerament lill-mistednin kollha tagħna tal-appoġġ, il-lealtà u l-memorji sbieħ li qsamna matul is-snin," kitbu. Minkejja li l-fergħa tal-Belt għalqet il-bibien tagħha, l-istorja ta’ Il Pirata mhijiex se tieqaf hawn. Fil-fatt, il-kumpanija ħabbret li aktar tard dan ix-xahar se tiftaħ Il Pirata St. Julian’s, li se tilqa’ lill-klijenti fil-lokalità l-ġdida.
"Filwaqt li dan il-kapitlu ġie fi tmiemu, ninsabu eċċitati li nilqgħukom f’Il Pirata St. Julian’s, li se jiftaħ aktar tard dan ix-xahar," żiedu jgħidu. L-aħbar qanqlet reazzjonijiet ta’ nostalġija fost dawk li kienu jżuru l-fergħa tal-Belt, filwaqt li oħrajn esprimew l-entużjażmu tagħhom biex iżuru l-lokal il-ġdid f’San Ġiljan hekk kif jiftaħ il-bibien tiegħu.
Facebook / Il Pirata