‘Mal-Melodija’ ġie mniedi sena ilu bil-għan li jressaq lill-istudenti Maltin eqreb lejn il-letteratura Maltija b’mod aktar interattiv, billi jgħaqqadha mal-mużika. Dan il-proġett laħaq punt kruċjali hekk kif iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti organizza b’suċċess lezzjoni kunċert ma’ ħames klassijiet ta’ studenti fit-tmien sena fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu, b’wirja mill-grupp Kantera.
Għall-okkażjoni attendew il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Kevin Mahoney, biex jiċċelebraw l-ilsien Malti, il-folklor, il-mużika u l-kultura. Il-Ministru Bonnici spjega kif ‘Mal-Melodija’ beda bħala proġett pilota biex jgħaqqad il-letteratura u l-mużika u llum sar parti mill-kurrikulu tal-Malti. “Din l-inizjattiva mhux biss tarrikkixxi l-apprezzament tal-istudenti lejn il-letteratura u l-mużika, iżda ssaħħaħ ukoll l-identità kulturali tagħna u tħeġġeġ il-kreattività f’ambjent edukattiv,” saħaq il-Ministru.

L-Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Maris Camilleri, enfasizzat kif dan il-proġett qed jinfirex lil hinn mil-letteratura u jkopri wkoll l-lingwa Maltija b’dimensjoni multidixxiplinarja. Il-lezzjoni kunċert uriet kif strumenti tradizzjonali, mużika folkloristika, tradizzjonijiet orali u l-idjomi Maltin jistgħu jingħaqdu biex jagħtu ħajja lill-ilsien tagħna.
Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Iskola Medja Dr. Maria Sciberras qalet li kienet unur għall-Iskola Medja ta’ Ħal Kirkop li tkun l-ewwel skola f’Malta li tieħu sehem f’dan il-proġett. “L-istudenti tat-tmien sena esperjenzaw il-poeżija Maltija b’mod ġdid u iktar coinvolġenti, fejn il-mużika għenet biex il-poeżiji jieħdu ħajja u jsiru aktar interessanti,” qalet Dr. Sciberras.

Filwaqt li din l-ewwel sena kienet suċċess, iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti issa qed jippjana li jespandi l-proġett f’aktar skejjel madwar Malta, biex jippromwovi l-lingwa u l-letteratura b’aktar inizjattivi kreattivi bħal din.