Il-Professur Charmaine Gauci Tispjega Għala Hu Importanti Li Nilbsu L-Maskri Kullimkien Anke Meta Nkunu Weħidna Fil-Kampanja!

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci enfasizzat l-importanza tal-ilbies tal-maskra meta nkunu barra d-dar u dan għandu jsir il-ħin kollu – anke meta nkunu barra fil-kampanja.

Waqt li wieġbet għal waħda mill-mistoqsijiet tagħha fir-rokna tagħha fuq Times of Malta, il-Professur Gauci spjegat ir-raġunament wara dan ir-regolament impost reċentement. “L-iskop ewlieni tal-ilbies tal-maskra huwa li tipproteġi lil ħaddieħor,” bdiet twieġeb hi.

Kompliet tispjega, “Dan huwa hekk għaliex issa nafu li porzjon sinifikanti ta’ nies bil-Coronavirus huma bla sintomi. Ħafna għandhom sintomi ħfief jew l-ebda sintomi u anke jekk xi ħadd jiżviluppa sintomi aktar severi, jistgħu jittrasmettu l-virus qabel ma jidhru dawk is-sintomi. Dan ifisser li n-nies jistgħu jxerrdu l-virus lil ħaddieħor mingħajr ma jkunu jafu li għandhom,” tinnota hi.

“Huwa veru li fil-kampanja hemm inqas nies madwar, imma ma tkunx taf min jista’ jiġi fil-viċinanza fi kwalunkwe ħin. Wieħed għandu jżomm il-maskra ma’ wiċċu u jillimita milli joqgħod jilbisiha u jneħħija sabiex jiġi evitat l-awtokontaminazzjoni,” hija tgħaddi dal-parir.

L-ilbies obbligatorju tal-maskra ġie introdott madwar tliet ġimgħat ilu f’sett ta’ miżuri ġodda biex jgħinu fit-trażżin tat-tixrid tal-virus. Ċerti persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa u tfal żgħar ħafna huma eżenti milli jilbsu maskra.

Allura, jekk ma taqax taħt dawn il-kategoriji, l-ilbies tal-maskra huwa obbligatorju. Aħjar maskra minn multa ħarxa li minnhom ġa nħarġu aktar minn 1,000.

Gareth Degiorgio – Facebook / Charmaine Gauci







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI