Il-Pulizija, flimkien ma’ uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni, wettqu sensiela ta’ spezzjonijiet immirati f’diversi żoni ta’ Wied il-Għajn, li wasslu biex instabu 17-il persuna ta’ nazzjonalità Sirjana li kienu qed jirrisjedu f’Malta b’mod irregolari.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-persuni kollha ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni, fejn se jibqgħu miżmuma sakemm jitlestew il-proċeduri amministrattivi u legali meħtieġa sabiex isir ir-ritorn tagħhom lejn il-pajjiż fejn għandhom id-dritt li jgħixu fih.

L-operazzjoni tifforma parti minn sensiela ta’ spezzjonijiet li qed isiru madwar il-pajjiż biex jiġu indirizzati każijiet ta’ immigrazzjoni irregolari, kif ukoll l-abbuż tal-liġijiet tax-xogħol u l-isfruttament ta’ persuni vulnerabbli.
Il-Pulizija sostniet li, flimkien mal-entitajiet kompetenti, se tkompli twettaq spezzjonijiet immirati f’lokalitajiet differenti bħala parti mill-isforzi tagħha biex tiġi infurzata l-liġi.
Fl-istess stqarrija ġie enfasizzat ukoll li Malta tibqa’ impenjata li twettaq l-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħha f’dan il-qasam, filwaqt li tiżgura li l-infurzar tal-liġijiet isir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna.