L-Istudent F’Malta Fost L-Aħħar Fl-Ewropa Li Jibdew L-Iskola – Ara Meta Jibdew Il-Pajjiżi L-Oħra!

Filwaqt li ħafna tfal Maltin għadhom igawdu l-aħħar ġimgħat tal-vaganzi tas-sajf, f’diversi pajjiżi Ewropej is-sena skolastika ilha li bdiet sa minn Awwissu. Il-Kummissjoni Ewropea f’Malta qasmet ħarsa interessanti lejn id-dati differenti li fihom l-istudenti madwar l-Ewropa jirritornaw fil-klassi, u d-differenza bejn pajjiż u ieħor hija waħda sostanzjali.

F’ċerti partijiet tal-Finlandja, pereżempju, l-iskola tibda saħansitra bejn is-6 u t-13 ta’ Awwissu. Fid-Danimarka r-ritorn isir bejn l-10 u t-13 ta’ Awwissu, filwaqt li fl-Iżvezja jibda bejn is-17 u d-19 tax-xahar. Għadd kbir ta’ pajjiżi oħra jerġgħu jibdew l-iskola matul l-ewwel ġimgħat ta’ Settembru. Fi Franza, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u diversi pajjiżi oħra, id-data indikata hija l-1 ta’ Settembru. Il-Kroazja u r-Rumanija jibdew fis-7 ta’ Settembru, filwaqt li l-Greċja tibda fil-11 tax-xahar.

Malta, iżda, tinsab proprju fl-aħħar tal-lista ppubblikata, bid-data indikata tkun it-30 ta’ Settembru. Dan ifisser li filwaqt li xi studenti Ewropej ikunu ilhom lura fuq il-bankijiet tal-iskola għal kważi xahrejn, ħafna studenti Maltin ikunu għadhom qed igawdu l-vaganzi tas-sajf.

“Ara waħda d-dati u għidilna: il-basktijiet tal-iskola lesti, jew?” kitbet ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, filwaqt li fakkret li madwar l-Ewropa ma teżistix ġurnata waħda komuni li fiha kulħadd jibda s-sena skolastika. Ir-Rappreżentanza temmet billi awgurat lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-għalliema madwar l-Ewropa bidu mill-isbaħ għas-sena skolastika l-ġdida.

U intom x’taħsbu? Tippreferu li t-tfal Maltin jibqgħu jibdew l-iskola lejn l-aħħar ta’ Settembru, jew taħsbu li s-sena skolastika għandha tibda aktar kmieni bħalma jiġri f’ħafna pajjiżi Ewropej?

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI