Illum jiċċelebra għeluq sninu l-kantawtur lokali Matt BLXCK, artist li matul dawn l-aħħar snin ħalla impatt qawwi fix-xena mużikali Maltija, kemm bħala artist kif ukoll bħala kittieb ta’ kanzunetti.
Matt BLXCK huwa magħruf għall-istil urban tiegħu, il-lirika personali u l-produzzjoni moderna li bihom irnexxielu jibni identità mużikali distinta. Dan irrifletta ruħu wkoll fis-suċċess li kiseb fil-Malta Eurovision Song Contest, fejn rajnieh jikseb it-tieni u t-tielet post bil-kanzunetti Banana u UP, prestazzjonijiet li kkonfermaw it-talent tiegħu fuq livell nazzjonali.
Din is-sena, Matt BLXCK qed jerġa’ jipparteċipa fil-kompetizzjoni bħala kantant bil-kanzunetta Ejja Ħdejja Lejja ‘l Hawn (The Flute), iżda l-kontribut tiegħu ma jieqafx hemm. Fil-fatt, għandu wkoll tliet kanzunetti oħra bħala kittieb: Achikuku (Don’t Think About It) interpretata minn Ema, Mumenti Sbieħ ta’ Mark Anthony Bartolo, u My Sweet Angel interpretata minn Mychael Bartolo Chircop.
Matt illum għalaq 27 sena u dak li hu ċert hu li kull sena tidher li qed iġġib magħha aktar maturità artistika u ambizzjoni. Minn Gwida.mt, nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu u aktar suċċessi fil-vjaġġ mużikali tiegħu.
Facebook / Matt BLXCK