Ħsara Fl-Apparat Elettriku Tikkawża Qtugħ Tal-Ilma F’Diversi Lokalitajiet

Il-Water Services Corporation ħabbret li llum diversi lokalitajiet qed jesperjenzaw qtugħ temporanju fil-provvista tal-ilma, fosthom in-Naxxar, is-Swieqi, l-Għargħur u Madliena.

Skont stqarrija uffiċjali, dan il-qtugħ seħħ bħala riżultat tal-maltempata qawwija li laqtet lil Malta matul il-lejl li għadda. Il-maltemp wassal għal ħsara fl-apparat elettriku tal-ġibjun tan-Naxxar, fejn il-konnessjoni nqatgħet wara li l-apparat inħaraq.



Il-WSC spjegat li t-timijiet tekniċi tagħha intervjenew immedjatament hekk kif ġiet identifikata l-problema. Fil-fatt, sal-10:00 ta’ filgħodu s-sistema elettrika kienet diġà ġiet imsewwija, filwaqt li s-sistema reġgħet bdiet taħdem b’mod normali.



Madankollu, ġie spjegat li l-provvista tal-ilma se terġa’ lura b’mod gradwali, hekk kif il-mains jerġgħu jimtlew bl-ilma. Is-servizz mistenni li jerġa’ lura kompletament fi ftit sigħat oħra.

Il-Water Services Corporation irringrazzjat lill-pubbliku tal-paċenzja tiegħu waqt li t-timijiet tagħha qed ikomplu jaħdmu sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjent ikkawżat minn din is-sitwazzjoni.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI