Robert Callus, mużiċist lokali, qasam esperjenza mill-aktar personali dwar perjodu mudlam li għadda minnu madwar 20 sena ilu, meta jgħid li kien wasal fuq l-għatba tas-suwiċidju. Illum għażel li jirrakkonta dak li għenu jibda jara l-ħajja minn perspettiva differenti. “Żmien ilu kont fuq l-għatba tas-suwiċidju. Kont anke noħlom li għamiltu u nqum indannat li kienet ħolma. Illum nibża’ mill-mewt għax il-ħajja, għalkemm iebsa, sabiħa wisq,” kiteb Robert.
Hu spjega li f’dak iż-żmien kien qed jiffoka fuq żewġ problemi li kienu qed jikkawżawlu tbatija kbira, fosthom uġigħ kroniku. Kienet persuna li kellmitu li għenitu jirrealizza li, minħabba din it-tbatija, kien qed jitlef minn quddiem għajnejh l-aspetti l-oħra kollha ta’ ħajtu.
“Meta din il-persuna dawritli wiċċi lejn l-affarijiet l-oħra tal-ħajja – familja, ħbieb, mużika, divertiment, ambizzjonijiet, kotba, annimali, u mitt ħaġa oħra li jagħmlu l-ħajja worth it – irrealizzajt li jien mhux mill-ħajja kont xbajt. Kont xbajt miż-żewġ affarijiet li kienu qed ikidduni.”
Robert qal li llum dawk il-problemi m’għadhomx hemm, għalkemm bħal kulħadd baqa’ jiltaqa’ ma’ diffikultajiet oħra. Id-differenza, jgħid hu, hija li llum jaf li problema, tkun kemm tkun tidher kbira, hija biss parti waħda mill-istampa kollha ta’ ħajtu.
Il-messaġġ tiegħu lil min jinsab għaddej minn żmien simili huwa li jipprova jħares lil hinn mill-uġigħ tal-mument u jara l-istampa kollh, “Jekk tara l-bigger picture hemm mitt ħaġa oħra li jistgħu jagħtuk il-kuntentizza jew tal-inqas it-tama.” Messaġġ personali ħafna li Robert għażel li jaqsam bit-tama li l-esperjenza tiegħu ta’ 20 sena ilu tista’ tkun ta’ sostenn għal xi ħadd li llum jinsab għaddej minn mument mudlam.
Facebook / Robert Callus