Jidher li l-ġimgħa d-dieħla tista’ ġġib magħha l-ewwel maltemp tal-istaġun, għalkemm għadu kmieni biex wieħed jgħid b’ċertezza jekk u kemm il-Gżejjer Maltin se jintlaqtu. Il-paġna Aġġornament Tat-Temp spjegat li d-direzzjoni li minnha tersaq is-sistema tat-temp tista’ tagħmel differenza kbira f’dak li eventwalment nesperjenzaw f’Malta.
Skont il-paġna, jekk il-maltemp jiżviluppa u jersaq minn fuq Gabès, fit-Tuneżija, hemm ċans akbar li Malta tesperjenza maltemp akkumpanjat minn ammont ta’ xita. Min-naħa l-oħra, jekk is-sistema tersaq minn fuq Tunis, hemm il-possibbiltà li l-maltemp jgħaddi minn qrib il-gżejjer mingħajr ma jolqotna direttament, bħalma ġara matul il-lejl li għadda.
“Jidher ċar li l-ġimgħa dieħla ser ikollna l-ewwel maltemp,” kitbet il-paġna, filwaqt li saħqet li s-sitwazzjoni għadha tiddependi ħafna fuq ir-rotta li eventwalment tieħu s-sistema. Għalissa, madankollu, dawk li qed jistennew ix-xita se jkollhom jistennew ftit ieħor. Skont Aġġornament Tat-Temp, sal-inqas nhar it-Tlieta mhu previst l-ebda maltemp.
Hekk kif noqorbu lejn il-ġimgħa d-dieħla, il-previżjonijiet għandhom jagħtu stampa aktar ċara ta’ jekk Malta hix tassew se tesperjenza l-ewwel maltemp tal-istaġun.