Ira Losco ċċelebrat għeluq il-45 sena tagħha b'messaġġ sinċier u emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn irriflettiet fuq il-vjaġġ ta' ħajjitha, il-familja tagħha u dak kollu li kisbet tul is-snin. Fil-bidu tal-messaġġ tagħha, Ira sellmet lill-età l-ġdida tagħha bi tbissima, u qalet li tinsab b'saħħitha u grata għal dak kollu li għandha.
Hija qalet ukoll li dejjem apprezzat is-sempliċità fil-ħajja u li dan ma nbidilx maż-żmien. Ira fakkret f'kanzunetta li kienet kitbet meta kellha ftit aktar minn 20 sena. Spjegat li dak iż-żmien kienet tħobb il-karriera tagħha, iżda kienet tistaqsi lilha nnifisha jekk qatt kinitx se ssib persuna li tħobbha għal min hi tassew u mhux biss għal dak li tirrappreżenta bħala artista. Kienet ukoll tistaqsi jekk qatt kienx se jkollha t-tfal tagħha.
"Illum għandi dan kollu. U qiegħda eżatt fejn dejjem xtaqt inkun," kitbet b'sodisfazzjon. Il-kantanta esprimiet ukoll il-gratitudni tagħha għall-għerf li ġġib magħha l-età, li tgħallmet iżżomm madwarha nies veri u qrib qalbha, kif ukoll għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja u l-aqwa ħbieb tagħha.
"Ninsab grata għall-għerf li ġġib magħha l-età, għall-kjarità li nżomm iċ-ċirku tiegħi żgħir u mimli nies veri, u għall-privileġġ li naħdem bis-sħiħ u mbagħad nistrieħ mal-aktar nies għeżież għalija – il-familja u l-aqwa ħbieb tiegħi," kitbet. Fi tmiem il-messaġġ tagħha, Ira rringrazzjat lil kulħadd tal-awguri li rċeviet f'għeluq sninha. "Grazzi ta' kull awgurju ta' għeluq snini. Għamiltuli l-ġurnata tassew speċjali," qalet.
Hija temmet b'messaġġ pożittiv, u tat x'tifhem li għadha għandha ħafna pjanijiet quddiemha. "U mhux se nieqaf hawn... aktar mużika, aktar memorji u aktar ferħ!" kitbet. It-tim ta' Gwida.mt jawgura lil Ira Losco għeluq snin mill-isbaħ, b'ħafna aktar suċċessi, saħħa u mumenti sbieħ fis-snin li ġejjin.
Facebook / Ira Losco