Illum Tagħlaq Sninha L-Attriċi Joelyne Scerri – F’Liema Serje Tiftakruha?

L-attriċi Maltija, Joelyne Scerri llum qed tiċċelebra jum speċjali għax għalqet 33 sena, u f’din l-okkażjoni għażlet li taqsam messaġġ mill-qalb fuq il-midja soċjali.

Fost l-aktar xogħlijiet magħrufa tagħha, hemm il-karattru ta’ Madame Kostanz fis-sensiela Żerniq, iżda l-esperjenza tagħha tinkludi wkoll diversi produzzjonijiet oħra fuq it-televiżjoni u fuq il-palk, tant li ħadmet ukoll f’diversi sensiliet Maltin, fosthom Il-Klinika, Erbgħa għal Erbgħa, Noli, Ċirkostanzi u Santa Monika.

Il-vjaġġ artistiku tagħha ma kienx limitat għat-televiżjoni, iżda wassalha wkoll fuq il-palk, fejn interpretat karattri differenti f’produzzjonijiet teatrali. Fost dawn insibu Romeo u Ġuljetta, fejn kellha l-opportunità mhux tas-soltu li tinterpreta kemm lil Ċetta l-koka kif ukoll lil Ġuljetta.

Fil-messaġġ tagħha, hija esprimiet kemm tħossha grata għall-barkiet li rċeviet, għas-saħħa u għall-ġid f’ħajjitha, iżda anke għall-isfidi li kellha taffaċċja. Skontha, kull esperjenza ħalliet tagħlima u għenitha tkompli tikber.

Flimkien ma’ dan, Joelyne talbet lil Alla biex jibqa’ jiggwidaha f’kull pass, jipproteġiha u jagħtiha s-saħħa biex tkompli tħares ’il quddiem b’tama u b’qalb mimlija gratitudni.

It-Tim ta' Gwida.mt jawgura lil Joelyne l-isbaħ xewqat u jixtieq li jkollha sena mimlija saħħa u kuntetizza!

Ritratt:

Facebook/Joelyne Scerri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI