Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici, flimkien mal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, ħabbar l-ewwel proġett tal-Fondazzjoni għal residenza tat-tip co-living, li se tkun qed issir fil-qalba tal-komunità ta’ Ħal Kirkop.
Permezz ta’ dan il-proġett, kunvent eżistenti fir-raħal se jiġi rinnovat u mibdul f’residenza li mistennija toffri alternattiva affordabbli lil persuni li jixtiequ jgħixu b’mod aktar indipendenti, filwaqt li jibqgħu parti minn ambjent komunitarju.

Ir-residenza se tkun iddisinjata b’tali mod li kull resident ikollu l-ispazju privat u l-indipendenza tiegħu, iżda fl-istess waqt ikun jista’ jagħmel użu minn diversi spazji u faċilitajiet komuni. Dawn se jkunu amministrati professjonalment bil-għan li jinżamm ambjent sigur, organizzat u ta’ kwalità.
Wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-komunità ta’ Ħal Kirkop, ġie deċiż li l-proġett jinkludi wkoll night shelter għall-anzjani tal-lokalità, kif ukoll klinika li se tkun aċċessibbli għall-pubbliku. B’hekk, il-binja mhux biss se sservi bħala residenza, iżda se toffri wkoll servizzi li jistgħu jintużaw mill-komunità tal-madwar.
“Dan huwa proġett li jpoġġi lill-persuna u lill-komunità fiċ-ċentru. Qed nagħtu ħajja ġdida lil dan il-kunvent f’Ħal Kirkop, biex noħolqu spazju ta’ co-living li joffri akkomodazzjoni affordabbli, indipendenza u sens ta’ appartenenza,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

Hu żied jgħid li l-proġett huwa eżempju ta’ kif spazji eżistenti jistgħu jingħataw użu ġdid biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni filwaqt li jissaħħu l-komunitajiet.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, spjega li l-kunċett ta’ co-living jista’ jgħin ukoll biex tiġi indirizzata s-solitudni u jinbena sens akbar ta’ komunità.
“Filwaqt li l-kooperazzjoni ssaħħaħ is-solidarjetà fil-komunità, tagħti wkoll l-opportunità lir-residenti biex, waqt li jkunu residenti f’din il-binja, jippjanaw il-passi tagħhom ’il quddiem fil-perkors tal-ħajja tagħhom fejn tidħol l-akkomodazzjoni,” qal Pace Ross.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Dr Jake Azzopardi, qal li l-proġett għandu juri kif binjiet li diġà jeżistu jistgħu jingħataw ħajja u skop ġdid biex jilħqu l-ħtiġijiet residenzjali u soċjali tal-lum.
Azzopardi spjega wkoll li dan huwa biss l-ewwel pass, hekk kif fl-aħħar ġimgħat is-settur privat ingħata l-opportunità li jissieħeb fi proġetti simili. Diversi entitajiet privati li għandhom proprjetajiet vakanti jew mhux utilizzati kompletament diġà wrew interess fis-sejħa pubblika li saret għal inizjattivi ta’ dan it-tip.
Il-proġett ta’ Ħal Kirkop se jsir b’investiment ta’ €1.6 miljun u, ladarba jitlesta, ir-residenza tal-co-living mistennija tilqa’ 15-il persuna. Fl-istess binja se jkun hemm ukoll in-night shelter għall-anzjani u l-klinika għall-pubbliku.