Joseph Galea qasam messaġġ mill-qalb iddedikat lil martu Antonella Galea Loffreda fl-okkażjoni ta’ għeluq sninha, fejn esprima l-imħabba u l-gratitudni tiegħu lejha għal dak kollu li tagħmel għall-familja tagħhom.
“Għaddiet sena oħra Antonella Galea Loffreda, u erġajt qed inħarbex kelmtejn sabiex nawguralek f’għeluq sninek,” beda jikteb Joseph, filwaqt li stqarr li minkejja li l-messaġġ tiegħu jinbidel xi ftit minn sena għal oħra, jibqa’ dejjem konsistenti fl-imħabba u l-gratitudni li jħoss lejha. Hu rringrazzja lil Antonella għall-ħidma tagħha u, fuq kollox, għall-impenn kontinwu lejn il-familja tagħhom, inkluż “l-inkwiet u ljieli bla rqad” meta tinqala’ xi sitwazzjoni li tħoss il-bżonn li tissolva minnufih.
Joseph irrifletta wkoll fuq il-mixja tagħhom flimkien u kif, hekk kif jgħaddu s-snin, mhux biss jikbru l-isfidi iżda jiżdiedu wkoll il-memorji sbieħ li jibqgħu jiktbu flimkien. “Nikbru u l-isfidi jikbru magħna, imma daqstant ieħor kull sena jiżdiedu l-memorji sbieħ li niktbu fl-istorja tagħna, kemm flimkien kif ukoll ma’ bintna Martina, li hi kollox għalik,” kiteb.
Hu rringrazzjaha wkoll għall-ħafna mumenti sbieħ li joħolqu bħala familja, b’mod partikolari permezz tas-safar li Antonella torganizza “sal-inqas dettall”. “Nawguralek minn qalbi sena oħra ta’ saħħa fuq kollox, sabiex flimkien naffaċċjaw kull ma ġġib magħha u jkollna kemm nistgħu mumenti memorabbli flimkien,” kompla Joseph.
Il-messaġġ ma naqasx ukoll minn ftit umoriżmu. Joseph ċajta dwar l-imħabba ta’ Antonella għar-ritratti u kif din ħafna drabi twasslu biex jispiċċa hu stess bħala l-fotografu tal-familja. “Mumenti li ma jista’ jiddeskrivihom l-ebda ritratt, minkejja li, Ġesù ħanin, inti tipprova tiġbed wieħed ta’ kull mument sabiħ li jkollna u nispiċċa fotografu minkejja li bilkemm naf nispelli l-kelma ‘ritratt’,” kiteb biċ-ċajt.
Fl-aħħar nett, Joseph qasam għadd ta’ ritratti minn mumenti li għexu flimkien matul is-sena li għaddiet u temm il-messaġġ tiegħu b’żewġ kelmiet sempliċi iżda mimlija tifsira: “Inħobbok Loffred.”
Nawguraw lil Antonella l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha!
Facebook / Joseph Galea