In-Naħla u Sħabha: Sena Ta’ Ċelebrazzjoni Għan-Naħla Maltija!

Il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija qed tfakkar l-ewwel anniversarju tan-Naħla Maltija bħala l-Insett Nazzjonali b'kanzunetta ġdida – In-Naħla u Sħabha (L-Għanja tal-Ispeċi Nazzjonali).

Il-kanzunetta, b'kitba u kompożizzjoni ta' Michael Piscopo, bil-gwida edukattiva tal-Prof. Suzanne Piscopo u interpretata minn Claire Marie Busuttil, hija mmirata għal tfal ta’ bejn il-5 u t-8 snin. Din tagħti ħajja lis-sitt speċi nazzjonali ta’ Malta: in-Naħla Maltija, il-Bużaqq, il-Merill, Widnet il-Baħar, il-Qabru u s-Siġra tal-Għargħar.

Permezz tal-karattru ta’ Katerina n-Naħla, it-tfal jiġu mħeġġa jiskopru l-pajsaġġi Maltin u jitgħallmu dwar il-kura tal-ambjent, il-bijodiversità u l-importanza li nieħdu ħsieb in-natura tagħna. Il-kanzunetta hija akkumpanjata minn vidjo animat u illustrat li jagħmilha aktar faċli u divertenti biex tifhem.

Dan il-proġett hu parti minn “Discovering the Maltese Honey Bee: Education Through Songs and Rhymes”, appoġġjat mill-Small Initiatives Support Scheme u l-HSBC Malta Foundation, u se jibqa’ riżorsa edukattiva għal skejjel u familji f’Malta u Għawdex.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI