“In-Niket M’Għandux Data Ta’ Skadenza” – Dr Yasmin Debrincat Hamilton B’Messaġġ Dwar It-Telfa Ta’ Missierha L-Maħbub Norman Hamilton

Dr Yasmin Debrincat Hamilton qasmet riflessjoni sinċiera fuq il-midja soċjali dwar in-niket li ġġib magħha t-telfa ta’ persuna għażiża, u dwar kif il-fatt li wieħed jibqa’ jitkellem dwarha ma jfissirx li ma jkunx kompla għaddej b’ħajtu.

"Sempliċiment għax nikteb dwar missieri, insemmih, niftakar fih jew nesprimi kemm nimmissjah, ma jfissirx li jien dipressa, li m’iniex f’saħħti mentalment jew li ma nistax inkompli b’ħajti. Ifisser sempliċiment li għaddejja minn żmien ta’ niket," kitbet Yasmin.

Hija spjegat li hemm ġranet meta n-nuqqas ta’ missierha jinħass aktar minn oħrajn. Mumenti meta l-memorji jerġgħu jitfaċċaw u qalbha tkun tixtieq konverżazzjoni oħra, tgħanniqa oħra jew sempliċiment mument ieħor miegħu.

Yasmin kompliet tispjega li l-kitba dwar missierha hija l-mod tagħha kif iżżomm il-memorja tiegħu ħajja, tesprimi l-emozzjonijiet tagħha u ssib il-faraġ fil-memorji tal-persuna li se tibqa’ ġġorr f’qalbha għal dejjem.

"In-niket m’għandux data ta’ skadenza u żgur li m’għandux ktieb tar-regoli. Xi ġranet nitbissem, xi ġranet nibki, xi ġranet niftakar fil-passat u xi ġranet sempliċiment nixtieq li kien hawn. Dan kollu ma jfissirx li m’iniex inkampa. Ifisser li jien umana. Ifisser li jien bint li timmissja lil missierha," kompliet tikteb. Hija saħqet ukoll li qatt mhi se tħoss il-ħtieġa li titlob skuża jew tiġġustifika ruħha talli titkellem dwar persuna li tant tħobb u timmissja.

"Ma waqaftx ngħix; sempliċiment tgħallimt ngħix b’nuqqas li dejjem se jibqa’ jinħass," temmet tgħid Yasmin. Riflessjoni li tfakkarna li n-niket m’għandux żmien stabbilit u li wieħed jista’ jkompli jgħix ħajtu filwaqt li jibqa’ jħoss in-nuqqas ta’ dawk li ħabb. Li nitkellmu dwarhom jista’ jkun ukoll mod kif inkomplu ngħożżu l-memorja tagħhom.

Ritratt:

Facebook / Yazmin Debrincat Hamilton

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI