Xi kultant ma jkunx hemm bżonn ta’ rigali kbar jew kliem ikkumplikat biex persuna tkun taf kemm hi maħbuba. Kliem sempliċi, iżda ġej mill-qalb, jista’ jibqa’ mfakkar għal dejjem.

Dan kien eżattament il-mument li qasmet l-influencer u l-content creator Maltija Abigail Vick, f’filmat li fi ftit ħin irnexxielu jmiss il-qlub ta’ bosta persuni.
Abigail talbet lin-nanna tagħha, Helen, biex tirrekordjaha, iżda dak li n-nanna ma kinitx taf kien li Abigail kienet qed tirrekordja ir-reazzjoni tagħha u mhux lilha.
Fil-filmat, Abigail tgħid li llum hija ġurnata speċjali għal waħda mill-aktar persuni li tħobb fid-dinja – in-nanna tagħha Helen. Hija riedet tgħidilha “grazzi” kbira għal dak kollu li tagħmel magħha u tesprimi kemm tħossha xxurtjata li għandha lilha f’ħajjitha.
B’emozzjoni kbira, Abigail tgħidilha kemm tittama li tkun kuntenta daqshom huma flimkien u, fuq kollox, tgħidilha kemm tħobbha. L-aktar mument li laqat lill-pubbliku kien ir-reazzjoni ta’ Helen, li tul il-filmat tidher titqanqal u timtela bl-emozzjoni. Ma kinitx qed tistenna li minn qalb in-neputija tagħha joħroġ kliem tant sabiħ.
Filmat li jfakkarna kemm hu importanti li ngħidu lin-nies li nħobbu kemm ifissru għalina... qabel ma jkun tard.

Instagram/Abigail Vick