“Inħoss Li Għandi Nżomm Barra Nadif Ukoll. L-Indafa Hija Sabiħa.” – Joseph Jaqsam Il-Ħsibijiet Tiegħu

“L-indafa hija sabiħa. Għalkemm hawn mhux tiegħi, inħoss li għandi nagħti dik in-naqra sehem biex jinżamm nadif.” Dan kien il-messaġġ sempliċi iżda qawwi ta’ Joseph fuq il-paġna The People of Malta, resident li b’inizjattiva personali qed jieħu ħsieb niċċa tal-Madonna fiż-żona tiegħu, mhux għax hija proprjetà tiegħu, iżda għax jemmen li kulħadd għandu responsabbiltà lejn il-komunità.

Joseph spjega li n-niċċa kienet ġiet installata mill-Kunsill Lokali, iżda hu ddeċieda li jieħu ħsiebha billi jżommha nadifa u jixgħel xemgħa minn żmien għal żmien. “M’iniex xi qaddis, imma devot tal-Madonna,” qal, filwaqt li żied li spiss jgħid xi talba jew rużarju.



L-inizjattivi tiegħu ma waqfux hemm. Huwa waħħal ukoll bandiera Maltija li, kif spjega, tellagħha matul il-pandemija tal-Covid-19 bit-tama li l-Madonna tħares lill-poplu Malti f’dak iż-żmien diffiċli.



Barra minn hekk, Joseph installa dawl li jaħdem bis-solar energy sabiex in-niċċa tibqa’ mdawla filgħaxija, kif ukoll arloġġ biex dawk li jgħaddu minn hemm ikunu jistgħu jaraw il-ħin faċilment. Madankollu, il-messaġġ ewlieni tiegħu jmur lil hinn mill-indafa u d-devozzjoni reliġjuża. Joseph appella għall-għaqda bejn il-Maltin kollha u tkellem kontra l-fanatiżmu li, skont hu, qed joħloq firda bla bżonn.

“Aħna lkoll poplu wieħed,” sostna. “Li jkollok partit jew tim huwa sabiħ, imma li tara ta’ wieħed kollox tajjeb u ta’ ħaddieħor kollox ħażin ma nistax għaliha.” Kliem li jfakkarna kif ġesti żgħar ta’ servizz lejn il-komunità jistgħu jkunu akkumpanjati minn valuri akbar ta’ rispett, għaqda u solidarjetà.



Ritratti:

Facebook / The People of Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI