Intervent mediku għat-tnaqqis tal-piż li sar fl-Isptar Saint James f'Tas-Sliema xxandar dirett quddiem għadd ta' speċjalisti mediċi internazzjonali li kienu qed jattendu l-konferenza MedTech World fil-Belt Valletta.
Din kienet l-ewwel darba li l-isptar xandar intervent ta' dan it-tip b'mod dirett waqt konferenza internazzjonali. Il-proċedura, li saret fuq pazjenta, kienet parti mill-MedTech World Europe 2026, li laqqgħet f'Malta professjonisti fil-qasam tas-saħħa, riċerkaturi u esperti fit-teknoloġija medika.

L-intervent sar mill-Professur Christina Stier, b'kollaborazzjoni mat-Tabib Andrea Formiga, u għaqqad żewġ tekniki differenti li ma jeħtiġux operazzjoni tradizzjonali. L-għan tagħhom huwa li jnaqqsu d-daqs tal-istonku u jgħinu lill-pazjenti jħossuhom inqas bil-ġuħ.
B'differenza mill-operazzjoni tradizzjonali magħrufa bħala gastric sleeve, fejn titneħħa parti mill-istonku, din il-proċedura ssir kollha kemm hi mill-ħalq, mingħajr il-ħtieġa ta' qatgħat esterni. L-ewwel teknika, magħrufa bħala Endoscopic Sleeve Gastroplasty (ESG), tinvolvi l-użu ta' tubu flessibbli b'kamera li jiddaħħal mill-ħalq sal-istonku. Permezz ta' strumenti speċjalizzati, it-tabib jagħmel ponti interni li bihom l-istonku jintlewa 'l ġewwa, biex il-kapaċità tiegħu tonqos b'madwar 70%. Dan jgħin lill-pazjenti jħossuhom mimlijin wara li jieklu porzjonijiet iżgħar.
It-tieni teknika, magħrufa bħala Gastric Mucosal Ablation (GMA), tuża sħana kkontrollata biex tittratta parti mill-kisja interna tal-istonku, b'mod partikolari ż-żona ta' fuq li għandha rwol fil-produzzjoni tal-ormoni li jirregolaw l-aptit. Il-kombinazzjoni ta' dawn iż-żewġ tekniki għandha l-għan li mhux biss tnaqqas l-ammont ta' ikel li persuna tkun tista' tiekol, iżda wkoll is-sensazzjoni tal-ġuħ. Dan jista' joffri alternattiva oħra għal persuni li qed jaffaċċjaw problemi ta' obeżità.

It-trattament jista' jkun ta' benefiċċju wkoll għal pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet marbuta mal-obeżità, fosthom pressjoni għolja, dijabete u problemi tan-nifs waqt l-irqad. Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Saint James, Jean Claude Muscat, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-pass importanti.
"Din il-ġurnata timliena tassew bi kburija. Li kellna l-opportunità nuru l-isptar tagħna u l-ħidma tal-ispeċjalisti mediċi Maltin u barranin fuq livell internazzjonali huwa unur u xhieda tal-istandards għoljin ta' kura u professjonalità li naħdmu għalihom kuljum." Huwa kompla jgħid li dak li jagħmel din il-kisba aktar speċjali huwa x-xogħol kollettiv tat-tobba, l-infermiera, il-professjonisti tas-saħħa u t-timijiet kollha li taw sehemhom biex dan l-avveniment ikun suċċess.
"Mumenti bħal dawn ifakkruna f'dak li nistgħu niksbu meta naħdmu flimkien u jkomplu jsaħħu l-ambizzjoni tagħna li nżommu lill-Isptar Saint James fuq quddiem nett fl-eċċellenza tal-kura tas-saħħa, kemm f'Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali," temm jgħid Muscat.