Sena mimlija attivitajiet kulturali, kunċerti, wirjiet u ċelebrazzjonijiet tat-tradizzjonijiet Maltin mistennija fl-għaxar lokalitajiet tar-Reġjun Punent. Ir-Reġjun Punent intgħażel biex ikun ir-Reġjun Kulturali għall-2027, b’investiment ta’ €250,000 mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali biex jitwettaq programm ta’ attivitajiet mifrux fuq sena sħiħa.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-President tar-Reġjun Punent, Sandro Azzopardi, waqt il-preżentazzjoni tal-programm kulturali għas-sena d-dieħla. Il-programm se jlaqqa’ flimkien għaxar lokalitajiet, fosthom l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi u ż-Żurrieq.

Matul it-12-il xahar se jiġu organizzati diversi attivitajiet, fosthom kunċerti mużikali, wirjiet artistiċi, żjarat f’siti storiċi u arkeoloġiċi, pellegrinaġġi kulturali u inizjattivi marbuta mal-festi tradizzjonali, l-artiġjanat u l-folklor Malti. Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd. "Il-kultura għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd u parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed noħolqu aktar opportunitajiet biex il-wirt Malti tagħna jiġi apprezzat, imħares u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin," qalet il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, Sandro Azzopardi spjega li din l-opportunità se tippermetti lill-lokalitajiet juru l-identità u t-tradizzjonijiet tagħhom, filwaqt li jagħtu aktar spazju lill-artisti u lill-għaqdiet kulturali lokali. Il-programm se jinkludi mill-inqas tliet avvenimenti ewlenin, fosthom iċ-ċerimonji tal-ftuħ u tal-għeluq. L-attivitajiet kollha se jkunu miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas, biex kemm jista’ jkun nies ikollhom l-opportunità jipparteċipaw.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli tagħti prominenza lill-wirt kulturali Malti, filwaqt li tħeġġeġ aktar parteċipazzjoni mill-komunitajiet u ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali.