Il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija ħabbret it-tlestija ta’ “Il-Fjuri Qarrieqa”, l-ewwel ktieb f’sensiela ġdida ta’ stejjer dwar Katerina fl-Abitati Maltin, li permezz tagħha t-tfal se jkunu jistgħu jiskopru aħjar in-natura ta’ madwarna u l-importanza li nipproteġuha.
L-istorja, miktuba mill-awturi Clare Azzopardi u Leanne Ellul u illustrata minn Samuel Casha, hija maħsuba għat-tfal tal-iskola primarja u tgħaqqad l-avventura mat-tagħlim dwar l-ambjent. L-istorja hi ambjentata fil=kampanja Maltija u sseħħ lejn l-aħħar ta' Marzu.
Il-protagonista hija Katerina, naħla Maltija li toħroġ tfittex fjuri selvaġġi biex titma’ minnhom. Madankollu, issib li ħafna mill-veġetazzjoni tkun inqerdet jew tneħħiet. Meta tiltaqa’ ma’ fjuri kkuluriti, taħseb li fl-aħħar se ssib l-ikel li teħtieġ, iżda d-dehra sabiħa tagħhom ma tfissirx li jistgħu jipprovdulha n-nutriment meħtieġ. Fil-fatt minn hemm ġej it-titlu tal-ktieb "Fjuri Qarrieqa" għax għalkemm jidhru attraenti, xorta jippruvaw jqarqu bik, għax la għandhom riħa, u wisq anqas nektar.
Permezz ta’ din l-avventura, il-ktieb iwassal messaġġ importanti dwar it-telf tal-abitati naturali, it-tniġġis tal-arja u l-importanza tal-pjanti selvaġġi għas-sopravivenza tan-naħal u ta’ insetti oħra. L-għan huwa maħsub, biex it-tfal jitgħallmu jħarsu lil hinn mis-sbuħija ta’ fjura u jifhmu l-irwol tagħha fl-ekosistema.
L-ewwel edizzjoni, parti mill-proġett SIS, se tkun tinkludi 250 kopja li se jitqassmu mingħajr ħlas lill-istudenti fl-iskejjel primarji u mhux se jinbiegħu.
B’dan il-proġett, il-Fondazzjoni qed tniedi l-vjaġġ ta’ Katerina fl-abitati naturali differenti ta’ Malta, bit-tama li permezz tal-qari tinbet fit-tfal imħabba lejn in-natura u sens ta’ responsabbiltà biex jipproteġu l-bijodiversità tagħna.
