Dan Rivera, investigatur paranormali ta’ 54 sena nstab mejjet fit-13 ta’ Lulju fil-kamra tal-lukanda tiegħu. Rivera dan l-aħħar kien qed jagħmel tour imsejjaħ Devils On The Run li fih diversi postijiet u artefatti allegatament ‘haunted’, inkluża l-pupa Annabelle.
Il-pupa Annabelle hija maħsuba li hija ‘haunted’ u ġiet marbuta ma’ serje ta’ attivitajiet paranormali mis-snin sebgħin. Il-pupa kienet ingħatat bħala rigal lil studenta infermiera. Hija ġabitha d-dar, fejn kienet tgħix mar-roommate tagħha fl-1968. Ftit wara, bdew jesperjenzaw okkorrenzi strambi bil-pupa.
L-investigaturi paranormali famużi Ed u Lorraine Warren kienu sostnew li l-pupa kienet maħkuma mid-demonji.
Il-pupa ispirat ukoll il-franchise tal-films tal-orrur The Conjuring.
Ħafna qed jispekulaw li l-mewt misterjuża ta’ Rivera hija marbuta mas-saħta tal-pupa, peress li kien qed jimmaniġġaha għat-tour tiegħu. L-awtopsji għadhom għaddejjin.