Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan sellmet il-memorja ta' Pawlu Agius, eks-membru tal-kumitat tagħha, li ħalla din id-dinja fl-età ta' 78 sena.
Fi stqarrija tagħha, is-soċjetà fakkret kif għal diversi snin Pawlu kien direttur tal-logħob fil-Każin Pinto, fejn kien jorganizza tournaments tal-isnooker u attivitajiet oħra. Flimkien ma' Karmenu Schembri, magħruf bħala ċ-Ċenċulin, kien ukoll waqqaf tim tal-billiard u snooker li rrappreżenta lill-każin fl-Ewwel Diviżjoni u rebaħ ukoll it-Tazza l-Kbira.
Is-soċjetà rrakkontat ukoll kif Pawlu baqa' jattendi regolarment il-każin sa żmien riċenti, fejn kien għadu jiltaqa' mal-ħbieb u membri l-oħra. Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan esprimiet il-kondoljanzi tagħha lill-familja u lill-qraba ta' Pawlu Agius, filwaqt li wegħdet li se tibqa' tiftakru fit-talb tagħha.
Il-funeral tiegħu se jsir għada it-Tlieta 4 ta' Awwissu, fit-8:30 a.m. fil-Knisja Arċipretali ta' San Bastjan.
Fb/ Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan A.D. 1862