Il-paġna uffiċjali tad-Dipartiment Tal-Informazzjoni ppubblikat informazzjoni dettaljati dwar il-mard tal-valvi tal-qalb bil-għan li ssalva l-ħajja ta’ min għadu ma jafx eżatt x’inhuma s-sintomi.
Huma spjegaw, “Il-mard tal-valvi tal-qalb iseħħ meta wieħed jew iktar mill-valvi tal-qalb ma jaħdmux kif suppost, u dan jaffettwa l-fluss tad-demm u jqiegħed pressjoni fuq il-qalb. Din il-kundizzjoni tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet serji tas-saħħa – bħall-qalb għajjiena – jekk ma tiġix ikkurata.”
Żiedu jgħidu, “Sintomi komuni jinkludu qtugħ ta’ nifs, għeja, uġigħ fis-sider, sturdament, u taħbit irregolari tal-qalb. Madankollu, ħafna nies jista’ jew ma jkollhomx sintomi jew jinterpretawhom bħala parti mill-proċess tax-xjuħija. Għalhekk, tajjeb li tkun konxju tas-sintomi minn qabel.”
Komplew jispjegaw, “Biex jiżdied għarfien fuq dan il-mard, tim ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa mill-isptar Mater Dei se jorganizza attività pubblika nhar il-31 ta’ Mejju fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, bejn id-09:00 ta’ filgħodu u s-02:00 ta’ waranofsinhar. Isma’ qalbek—agħmel test!”
Facebook / Dipartiment tal-Informazzjoni